Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana saħqet li l-vapur Nikolaus se jieqaf jiffunzjona għal xahar sakemm isiru fuqu xi xogħlijiet biex tiżdied l-aċċessibbilità.
Caruana qalet dan fil-Parlament li dalgħodu kien qed jiddiskuti l-proposti tal-baġit dwar Għawdex.
Il-bastiment Nikolaus kien introdott ftit qabel beda l-istaġun tas-sajf u ħafna faħħru l-fatt li dan elimina għal kollox il-kjuwijiet tal-vetturi fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa.
Minkejja dan, il-vapur kien ikkritikat minħabba nuqqas ta’ aċċessibbilità. Fil-fatt, lifts fuqu ma hemmx u l-passiġġiera jkollhom jużaw ir-rampi tal-vetturi.
Caruana spjegat kif il-vapur se jkun qed jieqaf jaħdem fil-11 ta’ Novembru biex ikun lest sat-12 ta’ Diċembru.
Nikolaus jibqa’ jiffunzjona sakemm jasal vapur ġdid permanenti.