‘Hawn qiegħdin u hawn se nibqgħu’ - Steward Health Care

Il-Kumpanija tinnega l-għajdut li se titlaq minn Malta

 

Il-kumpanija Steward Healthcare ċaħdet id-dikjarazzjonijiet li qed tippjana li titlaq minn Malta minħabba raġunijiet ta’ fondi mill-Gvern u insistiet mill-ġdid li tinsab kommessa bil-pjan u l-proġett tagħha fl-isptarijiet Maltin.

F’kummenti mal-gazzetta oħt BusinessToday, Alessandra Pace l-Viċi President tal-Komunikazzjoni għall-kumpanija qalet li “Steward Health Care hawn qiegħda u hawn se tibqa,” u li mhux minnu li l-kumpanija qed titlob għal aktar fondi mill-Gvern.

Mal-BusinessToday hi ħabbret li fix-xhur li ġejjin il-kumpanija se tkun qed tippubblika l-‘master plan’ tagħha għall-istess sptarijiet.

Ir-risposta ta’ Pace nnegat id-dikjarazzjoni li għamel iI-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan din il-ġimgħa waqt konferenza stampa. Balzan qal li sar jaf minn sors fl-istess kumpanija li t-tmexxija qed tippjana biex titlaq minħabba raġunijiet ta’ fondi statali.

Intant il-bieraħ fi stqarrija separata l-UĦM Voice of the Workers sostniet li ilha mis-Sajf tinsisti li l-professjonisti impjegati direttament ma’ Steward Health Care għandhom jiġu assorbiti mill-Gvern.

"Huwa veru li dawn il-professjonisti qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom spalla ma’ spalla ma’ professjonisti tal-Gvern, jaħdmu fl-istess sala, jaraw l-istess pazjent u saħansitra jilbsu l-istess uniformi. Iżda meta niġu għall-kundizzjonijiet, dawn għandhom kundizzjonijiet ferm iżjed inferjuri minn ta’ sħabhom," qalet il-unjin fl-istqarrija. 

Minn naħa l-oħra, Steward Health Care qed tinsisti li hi mhix marbuta li tħallas l-istess paga u tagħti l-istess kundizzjonijiet għall-istess xogħol li qed jagħmlu il-ħaddiema tal-Gvern.

More in Politika