Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar l-ewwel robot li se jkun qed jassisti lill-kirurgi fis-swali tal-operazzjonijiet tal-isptar Mater Dei.
Din it-teknoloġija ġiet installata fis-swali tal-operazzjonijiet b’investiment ta’ €4 miljun.
Hekk, operazzjonijiet bħal dawk tal-kanċer tal-prostata li bħalissa ma jsirux Malta, ikunu jistgħu jibdew isiru f’Mater Dei.
“Fil-preżent madwar 35 pazjent fis-sena jintbagħat barra għall-operazzjonijiet fil-prostata li b’din it-teknoloġija se jkunu qed isiru f’pajjiżna, b’inqas skariġġ għall-pazjent,” saħaq il-Ministru.
Dawn l-operazzjonijiet se jibdew mis-sena d-dieħla. Permezz ta’ din it-teknoloġija se jibdew isiru wkoll operazzjonijiet oħrajn fi speċjalitajiet oħra fosthom fil-fwied, gynae u ENT.
Fearne spjega kif permezz ta’ dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet bl-għajnuna robotika, il-pazjent jirkupra aktar malajr u b’hekk ikollu bżonn inqas żmien l-isptar.