Fi stqarrija l-Moviment Graffitti sostna illi l-istejjer, li jsejħilhom "ta’ ħmieġ" marbuta mal-involviment ta’ Keith Schembri mal-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u l-akkwist pubbliku tal-enerġija huma tfakkira li "s-sistema politika Maltija qed tegħreq fil-flus maħmuġin li jiffinanzjawha". Il-Moviment qal illi Schembri mhuwiex biss uffiċjal tal-gvern “allegatament korrott, iżda punt ewlieni ta’ sistema diżonesta li nbniet fin, fin mill-elit tan-negozjanti għall-benefiċċju tal-elit tan-negozjanti."
Fl-istqarrija Graffitti tennew li Schembri messu ilu li rreżenja 1,322 jum ilu, "meta ħarġet l-aħbar dwar il-kontijiet offshore tiegħu."
Graffitti sostnew illi l-fatt li Schembri baqa' f'postu huwa grazzi mhux biss għas-saħħa politika tiegħu imma għax "huwa kruċjali għal sistema li għen fil-bini tagħha, u li għadu jmantni, u li permezz tagħha l-klassi tan-negozjanti stabilixxiet il-kontroll fuq l-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija." Graffitti allegat illi din l-istess klassi tan-negozjanti tal-elit iffinanzjat il-klassi politika u xtratha.
ma hemm ebda rieda politika mill-partiti politiċi u lanqas mill-organizzazzjonijiet affiljati magħhom, uffiċjalment u mhux, sabiex tinbidel tassew is-sistema u ma jibqgħux ifaqqsu persunaġġi oħra bħal Keith Schembri
"M’aħniex sorpriżi li d-deregulazzjoni ekonomika wasslitna għas-sitwazzjoni attwali: libertinaġġ assolut fl-ippjanar; skjavitù u abbuż tal-ħaddiema f’bosta oqsma speċjalment fil-kostruzzjoni; infurzar ineżistenti fis-servizzi finanzjarji; l-ispettru, viżibbli ħafna, tal-ħasil tal-flus u l-flus maħmuġin li qed jidħlu fl-ekonomija tagħna."
Graffitti temmew l-istqarrija jgħidu illi nies, bħal Schembri, li jaħdmu wara l-kwinti "sabiex il-lobby tan-negozjanti tbiddel il-lealtajiet politiċi tagħha" m'huwa xejn ġdid
"F’dan ir-rigward, nifhmu lil ħafna partitarji Laburisti li ġustament jistaqsu ruħhom dwar ir-rabtiet tal-Partit ma’ persuni bħal Joseph Portelli, id-dB Group, il-Gasan Group, it-Tumas Group, il-Mizzi Group, il-Hili Group, il-familja Zammit Tabona, l-aħwa Camilleri (tal-Franċiż), il-Corinthia Group, uffiċjali ewlenin fil-Malta Developers Association, u għexieren oħra li tant għandhom saħħa fuq il-partit li jistgħu jiddettaw il-politika nazzjonali."
"Nemmnu li ma hemm ebda rieda politika mill-partiti politiċi u lanqas mill-organizzazzjonijiet affiljati magħhom, uffiċjalment u mhux, sabiex tinbidel tassew is-sistema u ma jibqgħux ifaqqsu persunaġġi oħra bħal Keith Schembri, jew billi jitwaqqaf il-kurrent tossiku ta’ flus maħmuġin li jiffinanzja lill-politiċi u jirrombla fuq iċ-ċittadini."