Illum kienet ġurnata oħra bla waqfien għal ħafna kmamar tal-aħbarijiet. L-aktar żewġ żviluppi interessanti kienu li l-Ministru Chris Cardona ntalab jmur id-Depot biex iwieġeb numru ta' mistoqsijiet filwaqt li Yorgen Fenech talab għal maħfra Presidenzjali.
Yorgen Fenech l-isptar...
Aktar kmieni llum, waqt li kienu qed jissoktaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, waqt li kien qed jiġi miistoqsi mill-Pulizija, Yorgen Fenech ilmenta minn xi wġigħ u talab li jiġi invistat medikament.
Fuq rakkomandazzjoni tat-tabib huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei taħt sigurtà stretta tal-Pulizija. Il-Pulizija, illejla ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, Fenech mhux se jkun f’pożizzjoni li jkompli jiġi interrogat għall-24 siegħa illi ġejjin.
Il-Pulizija ġiet ukoll infurmata li din hija prattika normali tal-isptar wara li pazjent jingħata t-tip ta’ kura li ngħata Fenech. Fenech għalhekk se jingħata l-Police Bail skont il-liġi u se jkollu sigurtà stretta tal-Pulizija.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.
Lil min irid jikxef Yorgen?
Minkejja li l-aktar li qajjmet għagħa kienet iż-żjara ta' Cardona fid-Depot, l-aktar mistoqsija li għadha mhux imwieġba hija din: Yorgen Fenech lil min irid jikxef?
Yorgen Fenech kien qed ikun ikkunsidrat bħala dak il-'businessman' imsemmi f'artiklu fuq is-Sunday Times ftit ġimgħat ilu. Il-fatt li jrid jikxef tista' tindika li x-xibka hija ħafna ikbar minn Fenech biss u probabilment tinkludi persuni oħrajn li jistgħu jkunu ta' portata partikolari bħalu. .
It-talba għal maħfra Presidenzjali huwa mifhum li waslet għand il-Prim Ministru għal kunsiderazzjoni tiegħu u tal-Avukat Ġenerali.