Il-Partit Nazzjonalista mhux qed jeskludi bojkott mill-Parlament jew inkella diżubbidjenza ċivili. Hekk wieġeb ilejla s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt li kien qed jiġi intervistat fuq il-programm Dissett.
Mistoqsi mill-preżentatur Reno Bugeja, Puli sostna li s-sitwazzjoni fil-pajjiż tant hija gravi li l-partit mhu se jeskludi xejn. "M'aħniex se nieqfu. Kuljum se nużawha l-għodda tal-Parlament, kif ittina l-liġi u kif ittina d-demokrazija u s-saltna tad-dritt."
Iktar kmieni illum kien żvelat kif Yorgen Fenech qed jippunta subgħajh lejn Keith Schembri u jakkużah illi huwa hu l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, l-avukat tal-familja Caruana Galizia, sa wasal jgħid li Schembri ħallas biex tinqatel l-istess Caruana Galizia.
Mistoqsi mis-sit maltatoday, Azzopardi sostna li ma jridx iżid mal-kummenti li għamel fuq Facebook.