Il-Prim Ministru jħabbar ir-riżenja tiegħu b'mod uffiċjali

Il-PM Muscat iħabbar ir-riżenja tiegħu sentejn biss wara li ngħata t-tieni mandat u sitt snin wara li sar Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jikkonferma l-istejjer li ħarġu fuq diversi siti tal-aħbarijiet, inkluż l-illum.com.mt u jħabbar ir-riżenja tiegħu b'mod uffiċjali fuq il-PBS illejla. 

Hu se jibqa' Prim Ministru sat-12 ta' Jannar meta jibda proċess elettorali biex jintagħżel Mexxej Laburista u Prim Ministru ġdid. 

Din ir-riżenja tiġi sentejn biss wara t-tieni mandat li ngħata l-Prim Ministru Joseph Muscat u sitt snin minn meta kien elett Prim Ministru bl-ewwel riżultat elettorali rekord. 

Dan ifisser illi huwa t-tieni l-aktar Mexxej Laburista li se jkun dam fil-poter wara Dom Mintoff.

"Il-pajjiż jiġi l-ewwel u kull mandat li tajtuni iktar dħalt f'qoxorti....issa wasal iż-żmien li nipprattika dak li nħoss. Se jkollna Prim Ministru ġdid biex ikompli jwettaq il-pjan ta' dan il-Gvern." Dan ħabbru wkoll waqt l-istess messaġġ televiżiv fuq il-PBS illi bdieh billi qal illi hu żamm kelmtu billi bdiet issir ġustizzja fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

"Rajna li kulħadd ikollu ir-riżorsi kollha u issa mhux biss għandna f'idejna persuni akkużati bil-qtil tagħha imma wkoll lill-mandant," saħaq Muscat fil-messaġġ tiegħu.

Filwaqt li fakkar illi kulħadd tah parir biex ma jagħtix maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech, qal li m'għamilx dan għax hu jemmen fis-sewwa. 

Muscat sostna li wieħed jeħtieġ jifred il-kritika ġenwina minn dik oppurtunista u  qal illi fis-sitwazzjoni straordinarja li ninsabu fiha r-rabja hija ġustifikata. "Ma naċċetta qatt li xi ħadd jipprova jiġġustifika l-qtil u l-istess ma niġġustifika qatt il-vjolenza u d-diżordni," sostna Muscat.

Il-Prim Ministru għamel elenku ta' miżuri li ħa l-Gvern u fakkar fil-ġlieda kontra l-faqar li ġġieled dan il-Gvern.

More in Politika