Fil-bidu tas-seduta tal-Parlament tal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia informa lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux se tipparteċipa fil-ħidma tal-Parlament sakemm Joseph Muscat jibqa' Prim Ministru.
Fil-fatt, Delia ħabbar li immedjatament, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista kienu se joħorġu mill-Parlament u mhux se jeġgħu jirritornaw sakemm jibqa' Joseph Muscat Prim Ministru.
Tant hu hekk, li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lanqas tat ċans li jiġu approvati l-minuti tal-aħħar seduti jew inkella jibdew il-Mistoqsijiet Parlamentari.
Id-Deputati kollha, inkluż dawk tal-Gvern, sabbtu fuq il-bankijiet wara li ntemm jitkellem Delia u wħud, miż-żewġ naħat, infexxew jgħajru lil xulxin sakemm id-Deputati tal-PN ħarġu mill-plenarja.
Fil-Parlament twaddbu wkoll karti foloz tal-€5,000 b'wiċċ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Id-Deputati indipendenti Marlene u Godfrey Farrugia baqgħu fil-plenarja.
Fil-kumment qasir tiegħu, Adrian Delia saħaq li Muscat se jibqa' Prim Ministru għal aktar minn xahar ieħor biex "jimmanipola u jimmanuvra" l-investigazzjoni biex isalva lilu nnifsu lil Keith Schembri.
Sadanittant, fuq barra għaddejja protesta oħra kontra l-korruzzjoni li qed issejjaħ għar-riżenja immedjata ta' Joseph Muscat.