Fl-aħħar ħin u ftit wara li Chris Fearne ħabbar illi se jkun kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista numru ta' membri tal-Kabinett u Deputati Laburisti bdew juru appoġġ għal Fearne u jappellaw għall-għaqda.
Ftit qabel ma ġara dan iżda, probabilment mhux b'kumbinazzjoni Robert Abela tella' messaġġ pjuttost b'saħħtu u qal li hu mhu lest jipparteċipa "f'ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija, u nbiegħ lil pajjiżi u lill-Partit Laburista u l-Laburisti ġenwini, kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda."
Abela qal illi jekk jagħmel hekk ikun qed jitgħabba b'dejn li jitħallas darbtejn u b'kompromessi li jorbtulu jdejh qabel nibda.
"Il-poter ma jagħmilx bija u m'għandi ebda ambizzjoni rabida u għamja għas-siġġu akkost ta' kollox, li tfixkel il-ġudizzju tieghi f'mument hekk delikat għall-pajjiż. L-għaqda tinżamm bl-onesta' u l-irġulija u billi timxi bil-korrettezza," qal Abela.
Hu temm b'mistoqsija rettorlika, "possibbli li minn dan l-inkwiet, għadna ma tgħallimna xejn?"