Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu Chris Fearne, Ministru tas-Saħħa u kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista ressaq pjan ta' 10 punti illi se jiffurmaw il-pjan prinċipali tal-Gvern jekk hu jkun elett Prim Ministru. Fost il-prijoritajiet tiegħu Fearne għandu fuq quddiem il-ġlieda kontra l-faqar, il-housing kif ukoll governanza aħjar.
L-10 punti huma dawn:
1 - Il-Governanza - "Is-sitwazzjoni tal-lum titlob li b'mod immedjat tkun indirizzata l-governanza ta' pajjiżna u allura jekk inkun elett Mexxej Laburista u maħtur Prim Ministru se nsejjaħ konferenza li tibqa' għaddejja sakemm fi żmien qasir niddiskutu r-riformi li hemm bżonn," sostna Fearne.
Hu qal li għal din il-konferenza jattendu l-partijiet kollha interessati u allura; il-Gvern u l-Oppożizzjoni, il-partiti politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u għaqdiet kif ukoll rappreżentanti tal-istituzzjonijiet.
Huwa qal illi din il-konferenza għandha tiddeċiedi wkoll kif jinħatar Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali. Fearne reġa' indika li hu jippreferi li dawn ikunu eletti b'żewġ terzi tal-Parlament.
2 - Nibnu fuq is-suċċessi - "Irridu nkomplu nibnu fuq is-suċessi tal-mudell ekonomiku tal-aħħar snin. Inkattru u nibnu fuq dak li sar ... però b'aktar trasparenza," sostna Fearne.
Huwa qal li l-opportunitajiet għan-negozji għandhom ikunu miftuħin filwaqt li sostna illi kollox se jkun iggwidat bil-meritokrazija.
Huwa qal ukoll li Gvern immexxi minnu jkompli jagħti imbuttatura lill-kostruzzjoni.
3 - Ambjent - "L-ambjent għandu jingħata l-prijorità li jixraqlu u fil-ġranet li ġejjin se nkun qed inħabbar pjan ambizzjuż ta' kif se nkunu qed indaħħlu spazji ħodor f'Malta u Għawdex kollha," saħaq Fearne.
4 - Ir-ruħ soċjali tagħna - "Jiena ħabbart illi jekk insir PM ħa nuru aktar il-valuri tagħna bħala partit u allura se nara illi jkun introdott il-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, biex nirregolarizzaw il-pożizzjoni ta' dawk li jaħdmu mal-kuntratturi."
Fearne qal illi minn dawn it-tip ta' ħaddiema tal-privat li qed jagħtu servizz lill-Gvern hemm mal-2,000 persuna.
5 - Immigrazzjoni u ħaddiema barranin - "Filwaqt li nagħrfu l-bżonn ta' ħaddiema barranin hemm bżonn li naraw illi l-infrastruttura ta' pajjiżna titjieb biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda," qal Fearne.
Huwa qal li pajjiżna għandu juri ħniena imma mhux jibqa' waħdu jipprova jsolvi l-problema.
6 - L-akkomodazzjoni soċjali - "Waqt din il-kampanja se nkun qed inħabbar pjani biex din il-problema nsolvuha. Il-housing ikun wieħed mill-prijoritajiet tagħna."
Fearne sostna li hemm bżonn illi din il-problema tkun solvuta malajr u b'mod aggressiv.
7 - Trasport - "Irridu naħdmu fuq trasport nadif, għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu." Chris Fearne sostna illi wara l-pjan biex jitlestew it-toroq, "se nkunu qed naħdmu biex indaħħlu t-trasport tal-massa."
8 - Postna fl-Ewropa - "B'mod impenjattiv nistgħu nerġgħu nagħtu spinta lir-reputazzjoni ta' Malta li saritilha ħsara," ammetta l-PM prospettiv.
Huwa qal illi jeħtieġ nerġgħu ngħollu isem pajjiżna.
9 - Kwalità tal-ħajja - "Il-flus importanti imma waħedhom mhumiex biżżejjed," qal Fearne li sostna li hemm bżonn ikompli jitjieb il-prodott tas-saħħa u jkun hemm sistemi ta' prevenzjoni aktar robusti.
"Intejbu l-edukazzjoni li noffru, b'life long education, spinta lill-isport, bilanċ tajjeb bejn xogħol u ħajja tal-familja u rridu nagħmlu minn pajjiżna wieħed li tieħu gost tgħix fih u trabbi lil uliedek fih."
10 - Il-Partit Laburista - "Nixteq nara riformi fih biex kompli l-Partit Laburista jkompli jissaħħaħ," qal Fearne.
Huwa sostna li l-partit jeħtieġ jibqa' jkun inklussiv u parteċpi fl-iggvernar imma mhux parti mill-Gvern u allura sostna li jeħtieġ ikun hemm distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Laburista.