Huwa ċar minn tweġibiet għal kwestjonarju mill-MGRM li kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela qed joffru garanzija ta' kontinwità fil-politika liberali ta' ugwaljanza illi imbarka fuqha l-Gvern ta' Joseph Muscat.
Dwar aċċess għal trattament modern u PrEP, mediċina preventiva, għal pazjenti bl-HIV Fearne sostna li dan il-Gvern diġà wera sensittività u rispett ikbar minn qatt qabel lejn persuni li għandhom l-HIV. "Fil-fatt allokajna riżorsi kbar għal dan il-għan, u fl-2020 se jidħlu mediċini moderni u mingħajr ħlas għall-HIV. Rigward il-PrEP jien diġà kommess li nintroduċiha fil-futur qarib."
Abela qal illi hu se jiddeċiedi fuq dan wara konsultazzjoni mal-Ministru ts-Saħħa u l-Kabinett.
Dwar id-drittijiet ċivili in ġenerali Fearne fakkar illi qatt daqs llum ma kien hawn Gvern fl-istorja li ta daqshekk drittijiet ċivili.
"Għamilna bizzejjed? Le. U qatt ma nistgħu nagħmlu biżżejjed," jammetti l-Ministru tas-Saħħa.
Robert Abela qal li huwa kburi "bil-mixja li għamilna tul dawn l-aħħar snin. U nwiegħed li jekk ningħata l-fiduċja li nkun mexxej tal-Partit Laburista u allura Prim Ministru tal-pajjiż, inkompli naħdem biex Malta tibqa’ tkun pijunier f’dan is-settur."
Filwaqt li aċċertaw illi bihom Prim Ministru l-ebda dritt ma jittieħed lura esprimew ruħhom ukoll favur is-surrogacy, li ġeneralment huwa proċess użat minn persuni li ma jistax ikollhom tfal.
Tistgħu taraw il-kwestjonarju sħiħ hawnhekk