Minkejja li l-eks Ministru Konrad Mizzi qed jaħdem u jikkampanja qatigħ favur Chris Fearne u xi nies li jappoġġjawh saħansitra qed jaħdmu bla hedu fil-kwartieri tal-kampanja ta’ Fearne f’Ħal-Tarxien, mal-ILLUM Fearne reġa’ ta dahru lil Mizzi.
Minkejja li Fearne qal li Konrad Mizzi mhux se jingħata xi Ministeru jekk jinħatar Prim Ministru, din il-gazzetta staqsietu jekk hux biħsiebu jingaġġa lil Mizzi f’xi kariga ta’ tmexxija f’xi entità pubblika u jekk iva, f’liema entità. Dan staqsejnieh fid-dawl ta’ xnigħat li qed jinxterdu fil-Partit Laburista li Mizzi se jingħata kariga ta’ tmexxija f’entità pubblika jekk Fearne ikun elett Mexxej Laburista u Prim Ministru.
Żewġ sorsi fi ħdan il-Grupp Parlamentari semmew b’mod persistenti l-kariga ta’ CEO tal-Air Malta.
Madankollu ma’ din il-gazzetta Fearne stqarr li ma kienx se jagħti kariga lil Konrad Mizzi, anke jekk f’diskorsu ma kienx kategoriku. “M’għandi l-ebda kariga f’moħħi għal Konrad Mizzi,”qalilna Fearne.
Mizzi rriżenja ftit sigħat biss wara li kien irriżenja wkoll l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri. Flimkien ma’ Schembri, Mizzi kien fetaħ kumpanija fil-Panama u spiċċa f’kontroversji kbar minħabba li għamel dan f’ġurisdizzjoni daqstant dubjuża.
Minkejja dan, kuntrarjament għal Schembri, s’issa Mizzi la qatt kien interrogat mill-Pulizija u lanqas qatt issemma fix-xhieda tal-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Min-naħa l-oħra, Mizzi għadu jingħata l-kredtu li kiseb riżultati pożittivi ħafna fl-Air Malta u fl-Enemalta.
Din il-gazzetta staqsiet l-istess mistoqsija lill-kandidat l-ieħor għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Robert Abela.
Fit-tweġiba tiegħu dwar jekk jikkunsidrax jagħti lil Mizzi xi kariga f’xi kumpanija statali Abela kien ċar: “Jiena m’għamilt ebda patt ma’ Konrad Mizzi.”
Mill-ġdid, nhar il-Ġimgħa fuq Xarabank Abela eskluda b’mod assolut li Mizzi jkun fil-Kabinett tiegħu.