'Iddedikajt ħajti għal pajjiżi ... inħobbkom' - L-aħħar diskors ta' Joseph Muscat
'Qlajt dawn id-daqqiet mingħajr ma weġibt lura, imma tawni kemm tawni qatt ma rebħuli' - jgħid Muscat fl-aħħar diskors tiegħu li fih jammetti li l-akbar dispjaċir tiegħu jibqa' l-qtil ta' omm u ġurnalista Daphne Caruana Galizia
minn Albert Gauci Cunningham
"Kont, għadni u nibqa’ Joseph," qal il-Prim Ministru li rringrazzja lil dawk kollha li kienu warajh u jagħtuh l-appoġġ.
“Iddedikajt ħajti għal pajjiżi. Jiddispjaċini biss li mhux waħdi ħallast, imma anke l-familja,” qal il-Prim Ministru li sostna illi hu aċċetta l-kritika imma l-iktar li weġgħatu kienu l-attakki fuq il-familja." Huwa qal dan fl-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru u li kien ibbażat fuq is-suċċessi, miżuri u d-differenza li għamel Gvern Laburista, kif ukoll fuq il-bżonn li l-poplu jibqa’ jħobb lil pajjiżu.
“Stmerruhom lil dawk li jattakkaw lill-familji tal-politiċi, lil dawk li għax ma laħqux l-għeneb qalulu qares,” sostna l-Prim Ministru.
“Qlajt dawn id-daqqiet mingħajr ma weġibt lura, imma tawni kemm tawni qatt ma rebħuli. U qatt u qatt ma waqajt fit-tattiċi tagħhom,” saħaq Muscat, filwaqt li għamel aċċenn diversi drabi dwar weġgħat li ħass matul iż-żmien.
“Ħallejt pajjiż li l-aktar li jgħin lil min l-aktar li għandu bżonn,” qal hekk kif għamel elenku ta' miżuri li ħa Gvern Laburista fl-aħħar sitt snin.
Miżuri li ħa l-Gvern li mexxa
Muscat elenka l-miżuri li ħa l-Gvern tiegħu, fosthom it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tkabbir fl-ekonomija u kif din se tkun l-akbar din is-sena fl-Unjoni Ewropea, is-surplus mill-2016 u kull sena, tnaqqis tad-dejn, rduppjar tal-ispiża fis-saħħa u l-edukazzjoni, dak li sejjaħ l-akbar investiment f’toroq fil-pajjiż, fond nazzjonali b’€600 miljun fih, 30,000 familja aktar li saru sidien ta’ darhom u l-inqas rata ta’ qgħad.
“Naqqasna aktar minn 60% dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji. Mhux numri, persuni dawn. Eluf ta’ żgħażagħ li bdew il-karrieri, eluf ta’ nisa li komplew jaħdmu minħabba ċ-child care, eluf ta’ pensjonanti li qed jaraw żieda wara l-oħra, kull sena mill-2013,” qal Muscat.
Huwa elenka l-impjiegi li nħolqu fl-aħħar snin, baġits bla taxxi u paga minima lil persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu.
Jiddispjaċini li nqatlet omm Daphne Caruana Galizia
"Jiddispjaċini min xi ħaġa? Iva jiddispjċini li nqatlet Daphne Caruana Galizia, li nqatlet omm .. anke jekk ħallast l-akbar prezz politku biex jissolva dan il-każ, " saħaq il-Prim Ministru uxxenti.
"Għandi sodisfazzjon li solvejt dan il-każ, mhux għamilt bħal ta' qabli, parlaw u m'għamlu xejn," qal Muscat f'referenza għal każi ta' qtil politiku mhux solvut. .
'Ma nintilfux fin-nostalġija'
Dwar il-Partit Laburista li għada se jkollu elezzjoni interna għal Mexxej Laburista ġdid, Muscat qal li “ma nistgħux nintilfu fin-nostalġija. Irridu nġeddu lill-partit tagħna. Irridu nibqgħu moviment li jilqa’ fi ħdanu lil kull min huwa progressiv,” saħaq Muscat li kompla jgħid illi l-futur tal-Partit Laburista u ta’ dawk kollha li jidentifikaw lilhom infushom miegħu, huwa sabiħ.
Huwa qal li l-moviment se jibqa’ b’saħħtu għax huwa mibni fuq l-imħabba lejn il-pajiiż u l-ġid.
F’appell imqanqal qal li ħadd m’għandu jħalli in-negattiv jirbaħ fuq il-pożittiv u biex ħadd ma jħalli l-mibgħeda tirbaħ fuq l-imħabba.
“L-akbar dispjaċir tal-avversarji ma kinitx li qed noħolqu l-ġid jew li l-ekonomija sejra tajjeb. Imma l-akbar dispjaċir huwa li kienet bdiet dieħla l-għaqda, li ma tiddistingwix bejn raġel, mara, tas-south u tan-north, straight jew gay,” irbombja leħen Muscat f’Padiljun ippakkjat nies.
“Fejn żbaljajna għandna niskżaw ruħna. Jiena kont responsabbli ta’ kollox u jiena nerfa’ r-responsabilità. Umilment quddiemkom ilkoll nitlob skuża fejn żbaljajna,” stqarr Muscat.
“Weġġajt iva u weġġħuni u jista’ jkun li anke jiena weġġajt lin-nies...imma nħeġġiġkom biex tibqġħu tħobbu lil pajiżna sal-aħħar nofs.”
'Ittrasformajna dan il-partit f'wieħed rebbieħ'
Hu saħaq li mhu se jħalli lil ħadd iħassar it-tajjeb li għamel il-Gvern. “Ittrasformajnja dan il-partit f’wieħed rebbieħ, sirna ġenerazzjoni rebbieħa. Ma tlifniex elezzjoni waħda, li hi waħda mill-2009, bil-ġenerali, tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew,” qal l-PM għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Huwa qal li l-partit irnexxielu jagħmel dan għax rebaħ l-imħuħ u l-qlub.
Finalment indika li se jibqa' fil-Parlament għal ftit żmien u li se jaħdem fuq kwistjonijiet ta' libertajiet ċivili.