Ilbieraħ fil-ħinijiet li Malta kienet qed tara lill-Prim Ministru l-ġdid jieħu l-ġurament tal-ħatra, leks Ministru Laburista Helena Dalli kienet qed tieħu l-ġurament biex issir il-Kummissarju Ewropew tal-Ugwaljanza. Hi se tifforma parti minn tim sħiħ ta' Kummissarji mmexxxijin mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen.
F'Malta Dalli kienet ukoll Ministru għall-Ugwaljanza u Drittijiet Ċivili u taħt it-tmexxija tagħha ddaħlet l-Unjoni Ċivili, imbagħad il-liġi għal żwieġ ugwali, l-Att dwar l-identità tal-ġeneru u diversi liġijiet oħrajn.
Hi kienet meqjusa ukoll bħala waħda mill-aktar elementi liberali fil-Gvern ta' Joseph Muscat.
Dalli hija l-ħames Kummissarju Ewropew minn Malta. L-ewwel wieħed maħtur minn Gvern Nazzjonalista kien l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Joe Borg, warajh l-eks Ministru tal-Finanzi John Dalli, li spiċċa f'nofs kontroversja u akkużi ta' tixħim u warajh l-eks Ministru u Deputat Prim Ministru Tonio Borg.
Gvern Laburista kien imbagħad ħatar lil Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew.