Byron Camilleri, wiċċ żagħżugħ u politiku popolari fil-Grupp Parlamentari Laburista, se jkun il-Ministru tal-Intern, jista' jiżvela dan is-sit.
Il-Ministeru li se jmexxi sal-lum jinsab taħt it-tmexxija ta' Michael Farrugia u kien taħt il-lenti għal bosta xhur minħabba l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u dak li deher bħala inazzjoni jew azzjoni tard fuq rapporti tal-FIAU, fost oħrajn. Farrugia kien ikkritikat ukoll minħabba l-mod kif kienet immaniġjata r-rewwixta tal-immigranti tard is-sena l-oħra.
Madanakollu mhuwiex ċar jekk Farrugia hux se jingħata Ministeru ieħor.
Camilleri kien il-Whip tal-Grupp Parlamentari u kien elett fil-Parlament fl-2017. Qabel huwa kien Sindku tal-Fgura.
Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li indikat li fil-fatt Camilleri se jkun parti minn reshuffle, anke jekk fl-artiklu r-referenza kienet għal reshuffle li kien se jsir minn Chris Fearne. Dakinhar il-gazzetta kienet irrappurtat li Camilleri kien popolari u rispettat mid-Deputati u huwa wkoll meqjus bħala politiku nadif.