Mill-bandiera sas-Segretarju Ġenerali ... Il-bidliet ta’ Joseph li taw ir-ruħ lil-Labour
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li Joseph Muscat biddel fil-Partit Laburisa fl-aħħar tnax-il sena...
minn Yendrick Cioffi
Kull mexxej iħalli l-marka tiegħu fuq il-partit politiku li jkun imexxi. Hekk għamel Joseph Muscat. Bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu, irnexxielu jimmodernizza lill-Partit Laburista u rnexxielu jbiddel il-qtugħ ta’ qalb li kien ikkaratterizzat bih fl-2008 f’entużjasmu li wasslu biex sena wara jibda jirbaħ elezzjoni wara l-oħra b’distakki rekord.
Fil-ġimgħa li Joseph Muscat ħalla l-kariga ta' Mexxej Laburista, il-gazzetta ILLUM se tħares mhux biss lejn l-elezzjoni li wasslet biex Joseph Muscat ikun elett Mexxej Laburista, iżda anke l-bidliet li introduċa.
Anke jekk l-aħħar xhur tiegħu bħala Prim Ministru żgur li ma kinux “l-aqwa żmien,” jibqa’ l-fatt li Joseph Muscat irnexxielu jagħti wiċċ ġdid lill-Partit Laburista u għamlu partit attraenti inkluż għal dawk li qatt ma bassru li se jivvotaw Labour.
Tant hu hekk li l-Mexxej il-ġdid Laburista issa għandu biċċa xogħol iebsa biex filwaqt li jnaddaf u jgħolli lill-Gvern mill-abbiss li spiċċa fih, fl-istess ħin iżomm dak li rnexxielu joħloq Muscat fil-Partit Laburista.
Kif kien ġie elett Joseph Muscat u kemm kien ġab voti?
Joseph Muscat kien elett Mexxej tal-Malta Labour Party fis-6 ta’ Ġunju tal-2008. Dak iż-żmien kellu biss 34 sena u ma kienx Deputat tal-Parlament Malti iżda Membru tal-Parlament Ewropew.
Muscat kien kaxkar il-voti. Il-votazzjoni kienet bejnu u bejn George Abela. Muscat kien ġab 66.4% tal-vot filwaqt li Abela kiseb 33.6%. Dan ifisser li Muscat ġab 574 vot minn 865 vot validu li ntefgħu.
Fil-ġurnata ta’ qabel, minkejja li kien qed jikkompeti kontra erba’ kandidati oħra, Muscat kien tliet voti biss ’il bogħod mill-50%+1 li kien hemm bżonn biex ikun elett Mexxej Laburista.
Apparti George Abela, jikkompetu kontrih kien hemm Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie-Louise Coleiro Preca.
Fil-5 ta’ Ġunju huwa kiseb 435 vot, Abela 200 vot, Michael Falzon 181 vot, Evarist Bartolo 32 vot u Marie Louise Coleiro Preca 26 vot.
Dak iż-żmien, l-elezzjoni kienet saret bejn id-Delegati tal-Partit Laburista, għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ din is-sena, fejn il-Mexxej il-ġdid Laburista ġie elett mill-membri tal-Partit Laburista, jiġifieri xejn inqas minn 17,500 persuna.
Muscat jemenda l-istatut ... jagħti rwol importanti lill-membri
Muscat eleġġewh id-delegati, iżda ried li fil-ħatra tas-suċċessur tiegħu, il-membri tal-Partit Laburista jkollhom irwol importanti.
Tant hu hekk, li ġaladarba kienu żewġ persuni biss li kkandidaw ruħhom għall-kariga ta’ Mexxej Laburista, id-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ kienet kollha f’idejn il-membri tal-Partit Laburista.
Fil-fatt din kienet waħda mill-bidliet ewlenin li Joseph Muscat għamel fl-istatut tal-Partit Laburista.
Joseph ibiddel id-dehra tal-Labour u jiftaħ il-bibien
Joseph Muscat ried li jiftaħ il-Labour anke għal dawk li qatt qabel ma bassru li kienu se jaslu jivvotawlu.
Għalhekk, dehra ġdida kienet essenzjali. Illum id-dehra hija kollox. Joseph Muscat mhux biss biddel id-dehra tiegħu, neħħa l-goatee u rema l-ingravata l-ħamra, iżda biddel id-dehra tal-partit.
Muscat naqqas il-kulur aħmar fl-arma u żied ħafna l-abjad, anke jekk it-torċa tibqa’ ċentrali.
Daqshekk Malta Labour Party, iżda Partit Laburista, anke jekk Muscat kien jippreferi juża t-terminu ‘Moviment Laburista,’ għax ried u rnexxielu jiġbed lejh lil dawk li qatt qabel ma vvotaw lill-Partit Laburista.
Għalhekk, l-innu tal-Partit Laburista kien kważi kważi ntesa, anke jekk fl-attivitajiet tagħhom, kemm Chris Fearne u Robert Abela reġgħu tawh il-ħajja, forsi anke biex jiġbdu s-simpatija tal-Laburisti.
Dawn il-bidliet, anke jekk żgħar, kienu importanti biex il-Partit Laburista deher bħala partit imġedded u żagħżugħ. Id-dehra, għal Joseph Muscat, mill-iċken konferenza sal-akbar mass meeting, kienet kruċjali.
...iżda għaqqad u reġa’ qajjem l-entużjasmu fost il-Laburisti
Anke jekk Muscat ried jiftaħ lill-Partit Laburista għal kulħadd, ma naqasx lil-Laburisti.
Għall-kuntrarju, sa mill-ewwel diskors kważi teatrali tiegħu, il-messaġġ ta’ Muscat kien favur l-għaqda.
Ried li jagħmel il-Partit Laburista partit magħqud u kburi bil-passat tiegħu. Ried li jerġa’ jqajjem l-entużjasmu li forsi kien beda jnemnem.
Kien jaf x’għandu jagħmel biex dan iseħħ. Isem Mintoff kien kontinwament fid-diskorsi tiegħu u baqa’ baqa’ sakemm stiednu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex idawru u jurih dak li sar.
Jagħmel mil-Labour il-Partit LGBTIQ
Il-bidla fid-dehra ma kinitx biżżejjed. Muscat irnexxielu jbiddel lill-Partit Laburista f’partit liberali li kien lest jiftaħ il-bibien beraħ għall-persuni LGBTIQ filwaqt li jikkometti ruħu li jagħtihom dak li kienu ilhom jixtiequ.
Muscat kien l-ewwel mexxej politiku f’Malta li waqqaf fergħa fil-partit (LGBT Labour) biex tirrappreżenta u ssemma leħen il-komunità LGBTIQ. B’dawn il-passi, Muscat irnexxielu jiġbed lejn il-Partit Laburista faxxa kbira ta’ nies li qatt qabel ma assoċjaw lilhom infushom mal-Partit Laburista, wisq inqas ivvottawlu.
L-eks Prim Ministru kien konxju ta’ dan. Wara li daħħal diversi drittijiet fl-ewwel leġislatura tiegħu u ra s-swing ta’ voti favurih, Muscat iffoka għal darba oħra fuq dan is-settur ta’ votanti fl-2017 biex hekk poġġa lil Malta fuq quddiem nett għad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ.
Biżżejjed insemmu li kien il-Gvern Muscat li daħħal f’Malta l-unjoni ċivili bejn kopji tal-istess sess, id-dritt biex kopji LGBTIQ ikunu jistgħu jaddottaw, emenda l-liġi tal-IVF u daħħal iż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess.
B’dawn il-bidliet u b’dawn il-liġijiet, Muscat mhux biss irnexxielu jiftaħ lill-Partit Laburista għall-komunità LGBTIQ iżda anke poġġa lill-Partit Nazzjonalista kważi kważi dahru mal-ħajt, ma jafx ma’ xiex għandu jaqbel u ma’ xiex le.
Biżżejjed insemmu l-fatt li mal-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili, il-Gvern daħħal id-dritt tal-addozzjoni, għax kien jaf li d-Deputati tal-PN ma kinux se jaċċetawha. Ġara li dawn astjenew u Muscat kompla jissaħħaħ.
Jimbotta ’l quddiem il-parteċipazzjoni tan-nisa
Anke jekk il-Partit Laburista tilef opportunità li jkun hu li jikteb l-istorja u jkollu mara fit-tmun tiegħu u eventwalment tal-pajjiż, kemm kien ilu Joseph Muscat Mexxej Laburista, ta spinta ’l quddiem il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.
Fi żmien Joseph Muscat twaqqaf il-programm LEAD fi ħdan il-Partit Laburista. Programm li l-għan tiegħu kien li jħejji aktar nisa li riedu jidħlu fil-politika.
Fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tas-sena li għaddiet, Joseph Muscat kien ftaħar li qed iressaq numru rekord ta’ kandidati nisa. Minn 400 kandidat, 24% kienu nisa, terz minnhom ġejjin mill-programm LEAD.
Ta’ min isemmi wkoll li l-Gvern Muscat qed jipproponi dak li qed jissejjaħ “Mekkaniżmu Korrettiv tal-Ġeneru,” mekkaniżmu li jidħol fis-seħħ awtomatikament meta jew l-irġiel jew in-nisa, jiksbu inqas minn 40% tas-siġġijiet Parlamentari.
Mir-realtà preżenti, minn dan il-mekkaniżmu se jgawdu l-aktar in-nisa, biex hekk ikun hemm rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-Parlament.
Iqaċċat il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali...
Waħda mill-ewwel bidliet li għamel Muscat biex juri li ried ibiddel lill-Partit Laburista kien li jneħħi l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, ftit wara li kien elett Mexxej Laburista.
Dak iż-żmien, kien jokkupa l-kariga Jason Micallef, persuna viċin l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant.
Minflok Segretarju Ġenerali, Joseph Muscat introduċa l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv, li għażel hu stess, forsi biex jassigura ruħu li jimplimenta l-bidliet li kellu f’moħħu.
Ir-riżultat: Minn partit tellief għall-Partit kważi invinċibbli
Il-bidliet imsemmija, anke jekk ma kinux kollox, żgur li kienu parti mir-riċetta li waslu għar-rebħiet kbar li l-Partit Laburista kiseb sa minn sena wara Joseph Muscat ħa f’idu t-tmun tal-Partit Laburista.
Żgur li l-akbar bidla li Joseph Muscat ġab fil-Labour kienet li għamlu partit rebbieħ. Mill-għajta ta’ “spiċċa l-Labour ... spiċċa l-Labour” meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni tal-2008, Joseph Muscat għamel mill-Partit Laburista partit li kważi kważi huwa invinċibbli.
Biżżejjed tħares lejn dak li seħħ fl-aħħar xhur. Minkejja t-theżżiża kbira li ħa l-Gvern, skont is-sondaġġi, l-aħħar avvenimenti, ftit li xejn naqqsu mill-popolarità tal-Partit Laburista.
L-ewwel rebħa kbira li għamel Muscat kienet fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tista’ tgħid xhur biss wara li sar Mexxej Laburista. Fl-2009, id-distakk bejn il-PL u l-PN kien diġà dak ta’ 36,431 vot.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 rebaħ b’distakk ta’ 35,107 vot fuq il-PN biex sar l-iżgħar Prim Ministru li qatt kellha Malta u minkejja l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, il-Panama u l-famuża Egrant ma naqqas xejn mill-popolarità tiegħu u rebaħ mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali tal-2017 b’distakk ta’ 35,280 vot.
Minkejja li l-akkużi u l-allegazzjonijiet ma naqsux, Joseph Muscat kiseb għall-Partit Laburista rebħa rekord fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru s-sena li għaddiet, bid-distakk bejn il-PN u l-PL ikun dak ta’ 42,656 vot.
Mhux ta’ b’xejn li anke jekk l-aħħar ġimgħat ta’ Joseph Muscat ma kienu xejn feliċi, la għalih personali u wisq inqas għall-pajjiż, tant li kellu jwarrab, għal-Laburisti jibqa’ fuq pedestall u l-mexxej il-ġdid irid jaħdem bla waqfien biex forsi xi darba jeħodlu postu.