Mill-Qala saż-Żurrieq. Minn fejn ġie elett il-Kabinett ta’ Abela?
Ħarsa ġeografika tal-Kabinett ta’ Robert Abela. Id-distretti numru wieħed, sebgħa, erbgħa u ħamsa bl-aktar membri tal-Kabinett
More in Politika
Ħarsa ġeografika tal-Kabinett ta’ Robert Abela. Id-distretti numru wieħed, sebgħa, erbgħa u ħamsa bl-aktar membri tal-Kabinett
Wara l-ħatra tal-Kabinett, kif jiġri dejjem, tibda l-kritika għax ma jkunux inħatru ċerti Ministri, jew ma jkunux ħadu promozzjoni, imbagħad ikun hemm il-kritika dwar minn fejn maħturin il-maġġoranza tal-Ministri u d-distretti li ħalla barra.
Il-gazzetta ILLUM ippreparat mappa politika ta’ Malta maqsuma skont id-distretti, mill-ewwel sat-13. Din il-mappa turi minn fejn kienu eletti l-Ministri u anke l-voti li kisbu. Il-mappa tiffoka fuq dawk id-distretti li d-Deputati żammew u ma tinkludix voti mid-distretti li wħud minnhom ċedew.
Dan għandu jagħtina ħarsa komprensiva lejn kif inhuma mifruxin il-membri tal-Kabinett.
L-ewwel ħaġa li żgur tolqtok huwa l-fatt li dawk kollha eletti mis-sitt distrett għandhom xi rwol fil-Kabinett. Dan id-distrett jinkludi l-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi.
Robert Abela huwa l-Prim Ministru, filwaqt li Roderick Galdes u Silvio Schembri ngħataw Ministri – tal-Housing u tal-Ekonomija u Rosianne Cutajar Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza.
Mir-raba’ distrett se jkun hemm tliet Deputati fil-Kabinett: Chris Fearne – li se jibqa’ Ministru tas-Saħħa, Silvio Parnis – Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Byron Camilleri - Ministru tal-Intern.
Ir-raba’ distrett jinkludi Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien.
Anke l-ħames distrett għandu tliet Deputati fil-kabinett. Julia Farrugia Portelli – Ministru tat-Turiżmu, Stefan Zrinzo Azzopardi - Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u Owen Bonnici – Ministru għall-Edukazzjoni.
Il-ħames distrett jinkludi liż-Żurrieq, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba u l-Qrendi.
Tliet membri tal-Kabinett ġejjin ukoll mill-ewwel distrett. Josè Herrera – li se jkun Ministru tal-Kultura u Kunsilli, Aaron Farrugia, li se jkun Ministru tal-Ambjent u Deo Debattista – Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur u l-Indafa.
L-ewwel distrett jinkludi l-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Ħamrun, il-Furjana, il-Marsa, Tal-Pietà u Santa Venera.
Interessanti kif it-tieni distrett, fortizza Laburista, jew inkella dak li jinkludi lill-Kottonera, għandu biss membru wieħed tal-kabinett, jiġifieri Chris Agius. Dan il-fatt ħoloq rabja fil-Kottonera għalkemm in-nuqqas ta’ Ministru f’dan id-distrett huwa biss twittija tat-triq għal Abela nnisfu, biex joħroġ hu fuq il-lista tat-tieni distrett fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
NB: Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tħalla barra mill-mappa bi żball u għalhekk niskużaw ruħna miegħu magħkom il-qarrejja. Scicluna, li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa mħuħ tal-Gvern, tant li żamm wieħed mill-aktar Ministeri importanti, kien elett mis-seba' distrett u fl-ewwel count ġab 3,665.