Dalgħodu l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri sostna illi minkejja titjib il-linja nazzjonali tal-ajru għadha ma ħarġitx mill-problemi kollha li kellha.
"L-Air Malta għadha qed tiffaċċja sfidi," qal Schembri fl-ewwel żjara tiegħu fil-kumpanija li se tkun parti mid-Dekasteru li qed imexxi.
"Il-Gvern ħejja pedamenti b'saħħithom għall-kumpanija, imma għad hemm problemi ... hija l-obbligazzjoni tagħna li naraw illi l-linja tal-ajru tagħmel suċċess."
Fl-2018 l-Air Malta għamlet profitti ta' €1.2 miljun, ifakkar Schembri. Hu jgħid li l-estimi tal-2019 għadhom ma kinux ippubblikati u allura għalissa ma setgħux jikkumentaw dwar ir-riżultati li kisbet il-linja nazzjonali s-sena li għaddiet.
Il-Ministru Silvio Schembri sostna illi l-Gvern qed jara illi l-Air Malta tkompli tespandi u tiddiversifika.