"It-terminazzjoni tal-kuntratt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta immedjatament wara l-elezzjoni tal-2013 lil Adrian Hillman bħala konsulent tal-Malta Gaming Authority mhux biżżejjed. Dan għandu jkun biss l-ewwel pass biex toħroġ il-verità sħiħa u biex issir ġustizzja." Hekk sostniet fi stqarrija l-għaqda Repubblika f'reazzjoni għall-aħbar dalgħodu li s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ttermina l-kuntratti ta' Hillman minn mal-MGA.
"Ir-raġuni li ngħatat għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Adrian Hilman tammonta għal reat kriminali u għalhekk huwa ovvju li l-Pulizija għandhom jinvestigaw dan u jieħdu passi fil-konfront ta’ Hillman bla tkaxkir ta’ saqajn."
Repubblika fakkret li Hillman għadu jirrappreżenta lill-Gvern Malti fuq il-Bord tat-Trustees tal-Università Amerikana. "Is-serjetà u d-diċenza jesiġu li Owen Bonniċi u Robert Abela għandhom ikeċċu lil Hillman minn dan ir-rwol ukoll."
"Irridu nkunu nafu wkoll l-Malta Gaming Authority kemm ilha taf b’dan kollu u meta kien sar l-ewwel rapport dwar dan." temmet tgħid Repubblika li qalet ukoll illi qed tistenna l-eżitu tal-inkjesti li jirrigwardaw lil Hillman u lil Keith Schembri. Dawn qed ikunu akkużati b'ħasil ta' flus.