Lou Bondi mhux se jiġġeddidlu kuntratt ta' €50,000 fis-sena mal-Gvern

Lou Bondi se jkun qed jitlef kuntratt ta' eluf mogħti minn dan il-Gvern hekk kif mhux se jiġġeddidlu

Lou Bondi
Lou Bondi

L-eks preżentatur Lou Bondi mhux se jkun qed jiġġeddidlu l-kuntratt ta' €50,000 fis-sena li kellu mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. Dan il-kuntratt ingħata mill-Gvern preżenti ftit wara li kien elett fl-2013.

Bondi kien jippreżenta l-programm Bondi + fuq ix-xandir nazzjonali sal-2013, meta kien elett Gvern Laburista.

Kelliem tal-Ministeru ta' Josè Herrera li tkellem mas-sit maltatoday ikkonferma illi l-kuntratt mhux se jiġi mġedded u allura fi ftit jiem Bondi se jitlef din il-pożizzjoni li ngħatatlu fuq bażi ta' person of trust.

Dan il-kuntratt kien qajjem għagħa fost diversi attivisti Laburisti hekk kif Bondi kien ikkunsidrat bħala wieħed mill-aktar kritiċi qawwijin tal-Partit Laburista. Bondi għall-ewwel kien ingaġġat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex ikun parti mill-entità li kienet qed torganizza l-festeġġjamenti nazzjonali; Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. 

Wara Bondi, flimkien mal-Fondazzjoni kollha kemm hi b'ordni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet trasferita għall-Kunsill tal-Arti u l-Kultura. 

Intant illum ukoll kien żvelat kif Anton Attard ukoll mhux se jiġġeddidlu kuntratt li għandu mal-istess fondazzjoni.

 

 

More in Politika