Lufthansa Technik bdiet tagħmel xogħolijiet fuq ajruplan tagħha stess, Airbus A350, f'pajjiżna, biex Malta issa ser issir l-ewwel fergħa minn dawk tal-istess kumpanija illi kapaċi twettaq manutenzjoni fuq l-aktar ajruplani moderni.
Dan l-ajruplan għandu l-inqas konsum ta' fjuwil, waqt li huwa l-aktar effiċjenti u komdu.
Marcus Motschenbacher il-Kap Eżekuttiv ta' Lufthansa qal illi d-deċiżjoni biex dan ix-xogħol isir f'pajjiżna turi l-fiduċja li dan il-proġett qed jirċievi mill-klijenti tagħna.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli sostniet illi t-turiżmu għaddej minn perjodu tajjeb ħafna u fakkret li dan ma kienx ikun possibbli kieku mhux għall-industrija tal-avjazzjoni. Hi qalet illi l-Gvern huwa kommess għal masterplan fl-avjazzjoni, effiċjenza aħjar u produttività.
Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri faħħar lill-kumpanija talli ħadet l-inizjarttiva biex ix-xogħol isir Malta.
"L-ekonomija u n-nies tagħna huma dawk li se jkomplu jibbenefikaw hekk kif l-industrija f'pajjiżna tkompli tikber," qal Schembri.
Intant preżenti kien hemm ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici li qal illi huma l-ħaddiema huma r-riżorsa ċentrali għas-suċċess tal-kumpanija. Hu faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-Lufthansa u l-MCAST.