Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar Triq tal-Mensija f’San Ġwann, li hija fost 130 triq residenzjali li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid madwar il-pajjiż fl-ewwel sena mill-proġett tat-toroq residenzjali b’investiment ta’ €700 miljun.
Borg ħabbar li apparti dan, bħalissa għaddejja ħidma fuq 50 triq oħra u 150 triq oħra huma kkuntrattati għax-xhur li ġejjin. Dawn it-toroq kollha jammontaw għal aktar minn 110 kilometri, u peress li l-proġetti qed isiru b’mod ħolistiku, b’kollox hemm pjanat li fil-bini ta’ dawn it-toroq isiru mat-370 kilometru ta’ servizzi u 215-il kilometru ta’ bankini ġodda.
“L-ikbar sodisfazzjon għalina huwa li diġà għandna eluf ta’ familji li grazzi għal din il-ħidma bdew igawdu minn toroq residenzjali ta’ kwalità għolja u ambjent aħjar fejn jgħixu. L-ikbar sodisfazzjon huwa li fis-sitt snin li ġejjin il-familji kollha se jkunu qed jesperjenzaw l-istess”, qal il-Ministru Borg.
Huwa żied jgħid li dan huwa possibbli għax il-Gvern ħa din ir-responsabilità li l-kunsilli lokali la kellhom il-fondi u lanqas ir-riżorsi tekniċi biex jimplimentawha. Il-ministru qal li issa l-kunsilli jistgħu jinvestu flushom fi proġetti komunitarji filwaqt li jipparteċipaw f’konsultazzjoni sħiħa mal-Gvern biex tingħata prijorità lit-toroq fejn verament hemm bżonn immedjat ta’ xogħol.
“Illum il-folja nqalbet, u qed naraw ħidma aktar effiċjenti permezz ta’ tenders kollettivi, ħidma pjanata aktar fit-tul għax nikkonsultaw mal-entitajiet biex nevitaw xogħol u inkonvenjent doppju, ħidma li taħseb fil-kumdità tar-residenti u taqsam toroq twal f’fażijiet. Illum waqqafna aġenzija li qed taħdem b’mod effiċjenti, li minbarra dawn it-toroq matul l-aħħar sena wettqet xogħlijiet estensivi ta’ emerġenza f’madwar 85 triq oħra bħal kisi, tiswijiet, bankini u titjib fis-sistemi tal-ġbir tal-ilma tax-xita, sakemm dawn imisshom ikunu parti mill-proġett ukoll”, qal il-Ministru Ian Borg.
Huwa spjega li l-gvern qiegħed jara li r-riżorsi, il-ħin u l-investiment jitqassmu b’mod għaqli biex tingħata l-attenzjoni denja kemm lit-toroq residenzjali, kif ukoll lit-toroq prinċipali u dawk rurali. Huwa fakkar li s-sena l-oħra biss kellna investiment ta’ €64 miljun f’14-il triq arterjali, infetħu l-ewwel tliet pontijiet tal-Marsa Junction u beda x-xogħol fuq il-mini ta’ Santa Luċija, filwaqt li issa ngħatat spinta lis-Central Link Project, diversi pontijiet pedonali u proġetti oħrajn.
“L-impenn tagħna għall-infrastruttura ta’ pajjiżna huwa wieħed ħolistiku. Kulħadd importanti indaqs, jekk hux il-bidwi li juża t-toroq rurali, is-sewwieq li juża l-junctions prinċipali jew ir-resident li joqgħod f’belt jew raħal Malti. Determinati li nkomplu nwasslu titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd u suċċess wara l-bieb tan-nies b’ħidma li ma taqtax”, għalaq Ian Borg.