Bdiewa rrabjati jimblukkaw Triq il-Kosta fi protesta kontra l-Gvern

Il-bdiewa qed jipprotestaw kontra estensjoni tal-faċilità tal-Wasteserv fil-Magħtab li tfisser li arthom se tittieħed

Uħud minn dawk li kienu qed jipprotestaw
Uħud minn dawk li kienu qed jipprotestaw

Numru ta' bdiewa mill-Magħtab dalgħodu mblukkaw Triq il-Kosta bħala protesta kontra proġett tal-Wasteserv biex l-impjant tagħha fiż-żona jkun estiż b'aktar minn 200 tomna art u allura b'konsegwenza jieħu l-art tagħhom, li ilhom jaħdmu snin sħaħ.

It-toroq ingħalqu bi trakkijiet u kannestri li fihom jitpoġġa l-ħaxix u l-frott b'messaġġi tal-bdiewa lill-Gvern li jgħidu "tgħaddix minn fuqna."

Ħin minnhom, meta kien hemm il-pulizija preżenti, inqala' argument dwar liema parti tat-triq, dawk li kienu qed jipprotestaw jistgħu jagħlqu. "Aħna qed niġġieldu għall-ambjent u r-raba' tagħna ... fejn hu x-xandir nazzjonali? Mela sar Super One ieħor?" qal wieħed minn dawk li kienu qed jipprotestaw għall-fatt li jidher li l-PBS ma kienx qed jirrapporta din il-protesta. "Jiena qiegħed hawn biex niddefendi r-raba' li jrid jeħodli l-Gvern."

Raġel ieħor qal li din hija pastażata u li l-PM huwa "pastaż" għax mhux hekk kien wegħedhom, anzi li mhu se jmiss xejn. "Il-poplu lloppjat, ma jafx x'inhu jiġri," qal bidwi ieħor. 

Din il-protesta kienet organizzata wara illi lbieraħ 25 bidwi fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Gvern.

Il-bdiewa qed jgħidu li hemm theddida illi l-Gvern jieħu din l-art wara l-pubblikazzjoni ta' avviż legali li jgħid illi għal dan il-proġett hemm bżonn 226 tomna art. 

Fil-protest huma qalu illi jekk isir dan il-proġett ikun ksur tad-dritt li jgawdu l-proprjetà tagħhom u ksur tad-drittijiet umani tagħhom.  Il-protest ġudizzjarju jgħid ukoll illi l-faċilitajiet kurrenti mhux konformi mal-liġi.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela, mar fuq il-post u tkellem mal-bdiewa li kienu qed jipprotestaw. F'ħin minnhom dehru preżenti d-Deputati Nazzjonalisti Edwin Vassallo u Robert Cutajar.

 

 

 

More in Politika