Tnejn ‘imkeċċija’ bil-pulit u kuntratt mhux imġedded f’Dar Malta għal membru tal-kampanja ta' Fearne

Randolph barra, il-President tal-FŻL sfidata u wieħed mit-tim tal-kampanja ta’ Chris Fearne jitwaqqaflu l-kuntratt
 

Fil-Partit Laburista hemm sens ta’ frustrazzjoni fost sezzjoni ta’ persuni, l-aktar fost dawk li kkampanjaw għal Chris Fearne, li ma tantx jidher li qed jieħdu tajjeb ħafna l-attentati tal-PM u Mexxej Laburista Robert Abela biex idaħħal lil aktar nies li ħadmu qrib tiegħu fil-kampanja, fit-tmexxija tal-PL u f’karigi kruċjali.

Wara li din il-ġimgħa tneħħa Randolph De Battista minn Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, mingħajr spjegazzjoni jew stqarrija uffiċjali, din il-gazzeta tinsab infurmata li l-istess xorti messet lil mill-inqas żewġ persuni oħrajn fl-aħħar ġimgħat: Naomi Cachia, President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti u impjegat f’Dar Malta li s-sorsi tagħna kkonfermaw li kien pjuttost kruċjali fil-Presidenza ta’ Malta għall-UE, kif ukoll kien wieħed mit-tim ta’ nies li ħadmu fuq derogi għax-xiri ta’ gass għall-power station il-ġdida.

Sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazetta spjegaw kif Cachia kienet mitluba titlaq minn President tal-FŻL. Il-kliem lilha kien bejn wieħed u ieħor dan: “Jekk trid terġa’ tikkontesta f’idejk imma l-kariga se tkun ikkontestata minn xi ħadd li għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru.”
Dan seħħ ftit qabel ma twarrab ukoll Randolph De Battista bl-illum.com.mt tirrapporta lill-PM jgħidlu li jrid jaħdem bin-nies tiegħu u dawk li kkampanjaw miegħu. Fil-fatt, anke jekk għadha mhux uffiċjali jidher li George Azzopardi – eks Chief of Staff fil-Ministeru ta’ Marie Louise Coleiro Preca – se jkun qed jieħu post De Battista.

Għalkemm De Battista ma ħax pożizzjoni pubblika, fil-kampanja l-għarus tiegħu Cyrus Engerer kien qed jappoġġja lil Fearne. L-istess għamlet Cachia0

.Imma jidher li sa issa l-aktar li kien trattat ħażin kien żagħżugħ li qed jaħdem Brussell u li kien parti mit-tim tal-kampanja ta’ Chris Fearne. Is-sorsi mill-partit li tkellmu ma’ din il-gazzetta bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi, qalu illi dan iż-żagħżugħ – Attache tekniku f’Dar Malta- lagħab parti importanti ħafna fil-Presidenza Maltija tal-UE kif ukoll fil-qasam tal-enerġija fuq bażi lokali fejn huwa mifhum li kien nnegozja l-kundizzjonijiet li ppermettew lill-power station il-ġdida topera.

Is-sorsi qalu illi dan kien infumrat li l-kuntratt tiegħu bħala Attache tekniku fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-UE mhux se jerġa’ jkun imġedded, ftit jiem biss qabel ma filfatt għalaq. Dan l-inċident u l-mod kif ġie ttrattat dan il-ħaddiem jidher li qajjem xi ftit tal-inkwiet u tħassib f’Dar Malta hekk kif hemm biża’ li warajh jista’ jkun hemm oħrajn li ma jkollhomx il-kuntratt imġedded.
Jidher li f’kull każ l-ebda persuna ma kellha ħidmietha fid-dubju jew tneħħiet minħabba li m’għamlitx xogħolha sew, għallinqas hekk jidher mill-informazzjoni li għandha din il-gazzetta sa issa.

Dak tal-Attache tekniku mhuwiex l-ewwel każ ta’ kuntratti mhux imġedda, bit-tifel tal-eks Ministru Helena Dalli jkun infurmat li ma ġiex imġedded il-kuntratt tiegħu ftit wara li kien elett Mexxej Laburista Abela. Dan il-fatt wassal għal protestazzjonijiet qawwija minn missieru, Patrick Dalli, fil-Ministeru tal-Ekonomija.

Wieħed mis-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi l-PM Abela jeħtieġ joqgħod attent. “Donnu qed nara l-ewwel indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ għaqda. Muscat qisu kien ineħħi lil xi ħadd u jagħtih xi ħaġa u jħallik kuntent. Wieħed jifhem li l-PM irid jagħmel l-għażliet tiegħu iżda jeħtieġ joqgħod attent ma jagħmilx wisq għedewwa,” qalet din il-persuna.

Persuna oħra qalet mal-ILLUM illi hemm ċerta nies qed jiġu trattati qishom għandhom il-pesta fil-partit.

More in Politika