'Il-politiċi ħolqu klima ta' impunità ... huma responsabbli' FAA

'Sakemm il-membri tal-Awtorità tal-Ippjanar ... jinżammu professjonalment u personalment responsabbli għal dawn it-tip ta' permessi abbużivi, dawn it-tip ta' permessi se jibgqħu joħorġu.

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

Fi stqarrija Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA)  ikkundannat bil-qawwa kollha dak li seħħ ilbieraħk, li ħalla mara u omm mejta taħt it-trab.  "Wara l-aħħar episodji ta' kollassi u wegħdi vojta mill-politiċi, l-awtoritajiet u l-MDA dan huwa l-agħar każ li qatt seħħ u li ħataf ħajja," tgħid l-għaqda.  L-FAA titfa' parti kbira mit-tort fuq il-politiċi u tgħid illi r-respopnsabilità finali taqa' f'ħoġorhom, talli "inkoraġġixxew żvilupp rampanti u ħolqu klima ta' impunità għad-detriment tas-serħann il-moħħ u issa anke ħajjet ir-residenti.

FAA qalet illi r-responsabilità qed tkun dejjem injorata biex ikun jista' jsir żvilupp sproporzjonat.  "F'dan il-każ kien se jsir żvilupp li kien sproporzjonat għaż-żona u aktar minn hekk li kien se jieħu post ġnien mill-isbaħ b'żewġt ibjar u siġar antiki ta' qabel l-1906.."

L-għaqda ambjentali fakkret illi hi kienet qalet li r-riforma li kienet qed issir wara li ġġarfet dar fi Gwardamangia, kienet kożmetika u dgħajjfet miżuri dwar l-iskavar, minflok saħħithom.  Hawnehkk fil-fatt, l-FAA tikkwota l-istqarrija tal-Perit tal-iżvilupp f'Santa Venera jgħid li ċ-ċans li jkun hemm kollass ta' proprjetà ta' terzi kien minimu.

Il-FAA tfakkar illi f'dan il-każ is-sovratendenza tal-Wirt Kulturali kienet qalet li dan il-permess ma kellux jgħaddi minħabba nuqqas ta' dokumentazzjoni sottomesi.  "Mela allura għalfejn il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat din l-applikazzjoni?  Il-membri li vvutaw biex dan il-permess jgħaddi se jinżammu responsabbli?"

Il-FAA qalet illi sakemm il-membri tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini jinżammu professjonalment u personalment responsabbli għal dawn it-tip ta' permessi abbużivi, dawn it-tip ta' permessi se jibgqħu joħorġu.

 

More in Politika