Il-Kunsill ta' San Ġiljan jappella d-deċiżjoni tal-PA dwar l-irmiġġi fil-Bajja tal-Balluta

Ifakkar li ż-żona hija riservata għall-għawm u din l-applikazzjoni tfisser dgħajjes ta’ 33 metru li ser jidħlu madwar 22 darba kuljum

Konferenza tal-aħbarijiet nhar is-Sibt li għadda
Konferenza tal-aħbarijiet nhar is-Sibt li għadda

Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan flimkien ma' numru ta' NGO's ser ikunu qed joġġezzjonaw b'appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni għall-bini ta’ żona ta’ irmiġġ għall-servizz marittimu ta’ hop-on hop-off fil-Bajja tal-Balluta.

Il-Kunsill Lokali San Ġiljan stqarr li jinsab sorpriż kif il-membri tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar fit-3 ta’ Frar talbu biex din l-applikazzjoni tiġi micħuda minħabba l-politiki attwali u xahar wara l-istess membri reġgħu biddlu d-deċiżjoni meta l-ebda politika  ma nbidlet.

Għalhekk fi stqarrija llum il-Kunsill insista li l-policies li japplikaw għal din iż-żona għandhom jiġu osservati. "Il-Bajja tal-Balluta kollha hija meqjusa bħala żona riservata għall-għawm u din l-applikazzjoni b’dgħajjes ta’ 33 metru li ser jidħlu madwar 22 darba kuljum ser ittellef dan. Il-Kunsill iħoss li dan ser ikompli jikkumerċjalizza aktar iż-żona, żona li hija diġà kkummerċjalizzata u allura ser inaqqas aktar l-ispazji aperti għar-residenti u dawk li jiġu fostna."

Il-Kunsill Lokali temm jgħid li dan il-permess ser ikun qed joħloq preċedent perikoluż.

More in Politika