Illejla l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Gvern se jkun qed jiggarantxxi €800 fix-xahar f'paga għal 60,000 ħaddiem li jaħdmu f'diversi ħwienet u stabbilimenti - prattikament dawk l-istabbilimenti kollha li kienu mġiegħlin jgħalqu u oħrajn fit-turiżmu u divertiment.
Min iħaddem imbagħad, permezz tal-ftehim mal-imsieħba soċjali, joħorġ €400 oħra, biex b'hekk dawn il-ħaddiema jkollhom paga ta' €1,200 fix-xahar.
Dawk il-kumpaniji li ma jkunux jistgħu joħorġu l-minimu ta' €400 iridu jiksbu permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali.
Araw id-dettalji ta' din il-miżura u oħrajn kif ukoll il-lista ta' postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu s-60,000 ħaddiem li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri hawnhekk.
Din tal-paga kienet waħda mill-aktar punti li dwarhom l-imsieħba soċjali ma qablux mal-Gvern, hekk kif sostnew li 20% mill-paga - hekk kif propost il-ġimgħa l-oħra - hija wisq ftit meta tqis li mijiet, jekk mhux eluf ta' negozji, għandhom dħul żero.
Fl-ewwel sett ta' miżuri l-Gvern ħabbar illi se jkun qed joħroġ madwar €147 għal kull impjegat, kull xahar.
Bis-sħab soċjali warajh il-PM qal li dan il-ftehim huwa wieħed storiku, b'kulħadd jingħaqad "ponn flimkien".