TM tgħid li l-lezzjonijiet tas-sewqan jistgħu jsiru, ġimgħa wara li ssospendiethom

TM treġġa' lura deċiżjoni li ħadet il-ġimgħa l-oħra ...

Ġimgħa wara li Transport Malta ħabbret it-twaqqif tal-lezzjonijiet tas-sewqan, l-istess awtorità ħabbret li qed tirtira b'effett immedjat din is-sospensjoni. 

"B'hekk il-lezzjonijiet jistgħu jkomplu jsiru iżda b'miżuri ta' prevenzjoni stretti u infurzati li kienu nħarġu ftit tal-jiem qabel," qa,et fi stqarrija TM.

Intant TM qalet ukoll illi fl-aħħar sigħat ġew ippubblikati numru ta’ emendi oħra għall-Avviż Legali 90 tal-2020 maħruġ mis-Superintendent dwar is-Saħħa Pubblika, rigward l-għeluq ta' stazzjonijiet tal-VRT.

Permezz ta’ dawn l-emendi, l-istazzjonijiet tal-VRT qed jingħataw permess li jwettqu testijiet f’xi każijiet li ma jaqgħux taħt l-estensjoni awtomatika tal-liċenzja annwali tal-vetturi. L-istazzjonijiet tal-VRT jistgħu jwettqu testijiet fuq il-vetturi li ġejjin:

(1) vetturi bil-mutur użati li huma importati f’Malta, li jeħtieġ li jsirilhom test tal-VRT sabiex ikunu jistgħu jiġu reġistrati għall-ewwel darba f’Malta;

(2) vetturi bil-mutur li jkunu ġew iggaraxxjati qabel l-20 ta’ Marzu, 2020 u li s-sidien tagħhom iridu jerġgħu jużawhom fit-triq wara li jġeddulhom il-liċenzja;

(3) vetturi bil-mutur li l-liċenzja tagħhom skadiet qabel l-20 ta’ Marzu 2020 u kien imiss li jsirilhom test tal-VRT, iżda din il-liċenzja ma kinitx ġiet imġedda, 

(4) vetturi bil-mutur li jkunu jinħtieġu l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-VRT biex ikunu jistgħu jiġu trasferiti lil terzi.

 

More in Politika