Analiżi | Il-magħmudija tan-nar ta' Robert Abela - se jsalva?
Robert Abela kellu l-agħar bidu li seta' jkollu Prim Ministru - pandemija li qed toqtol lin-nies u tkisser l-ekonomiji. X'inhuma x-xenarji politiċi quddiem il-PM Malti bħalissa?
minn Albert Gauci Cunningham
Fil-politika x-xorti jew tidħaklek jew tobsoqlok f’wiċċek u fil-politika wkoll, kif għidna diversi drabi f'analiżijiet, iż-żmien illi fih ikun qed jopera politiku huwa kruċjali biex jiddetermina l-karriera politika tiegħu.
Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela ma setax kellu bidu aktar iebes minn hekk - pandemija li ġabet lid-dinja u l-ekonomiji tad-dinja għarkopptejhom. Din biddlet ix-xenarju politiku kollu - mhux biss minħabba l-aspett ta' saħħa imma wkoll għaliex ġabet ekonomija fi stat prekarju bl-ajruport - u allura l-pulmun tal-pajjiż- magħluq.
Naturalment dan kollu jitfa' l-pożizzjoni ta' kwalunkwe Prim Ministru f'qagħda pjuttost kerha u allura l-fortuni politiċi se jiddependu ħafna fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu bħalissa u kif il-pajjiż se jkun qed joħroġ minn din il-kriżi - l-akbar fl-istorja politika moderna.
It-tul tal-kriżi huwa l-agħar għadu politiku u soċjali
Għall-PM Abela u għal kull PM ieħor l-akbar problema hija t-tul ta' din il-kriżi u allura l-inċertezza. Fi żmien ta' inċertezza il-konsum lokali jonqos, il-fiduċja tieħu tisbita, l-investiment jieqaf u allura r-rota tibda tiġġammja.
Naturalment ir-rota ekonomika hemm limitu kemm tiflaħ tibqa' ġġammjata qabel jibda kroll.
L-agħar xenarju politiku għal Abela huwa li din l-inċertezza ttul aktar minn Mejju u allura probabbilment toqtol ix-xhur tas-sajf għat-turiżmu. Dan ikun ifisser li t-telf jikber, in-negozju jibqa' staġnat u hu jkollu jibqa' joħroġ il-fondi biex jiffinanzja l-pagi - b'konsegwenza li dan jifta' pressjoni kbira ħafna fuq il-finanzi tal-pajjiż.
Iktar kemm ittul, aktar se jikber il-bżonn ta' interventi statali u aktar se tkun diffiċli biex il-pajjiż jerġa’ jiġi għal dak li kien sa ftit żmien ilu.
Dan kollu- fl-aħħar mill-aħħar - se jaffettwa l-but u kif ngħidu, tajjeb jew ħażin, taqbel jew le, meta niġu għall-vot il-but se jgħodd.
Jekk ittul is-sitwazzjoni, fl-2021 jista' jkun illi l-finanzi jkunu wisq minn taħt u l-Gvern ikun irid jagħmel tajjeb għal dan b'taxxi ġodda jew miżuri b'livell ta' awsterità. Dan ovvjament mhux se jinżel tajjeb ma' ħafna nies.
Għalkemm malli jgħaddi kollox il-konsum mistenni jerġa’ jiżdied - jekk ittul ħafna l-kriżi - is-sitwazzjoni jaf iddum biex tiġi f'postha.
Kunsiderazzjonijiet elettorali
Naturalment politiku se jgħid illi hu ma jinteressahx mill-iskadenzi elettorali, li ovvjament mhux il-każ. L-iskadenza elettorali ta' Abela hija fl-2022. Allura l-kalkolu se jkun: b'dan li qed jiġri bħalissa u bl-effett tiegħu meta jaqbillu l-Partit Laburista li ssir elezzjoni?
Hemm diversi xenarji.
Hemm ix-xenarju li pajjiżna joħroġ minn din is-sitwazzjoni aħjar minn pajjiżi oħrajn, li l-awtoritajiet jirnexxilhom jikkontrollaw kemm jistgħu mill-każi, li l-famuża kurva tkun iċċattjatha biex kemm jista' jkun is-servizzi tas-saħħa ma jbatux u ma jiġġebbdux.
Jekk pajjiżna jirnexxielu jikkontrolla din is-sitwazzjoni u jibda jiġri - ekonomikament - malajr, jista' jkun illi jinħass li l-Gvern għamel biċċa xogħol tajba u allura ħafna jħossu li dan waħdu jimmerita li l-Partit Laburista jerġa’ jingħata l-fiduċja.
It-tieni xenarju - u forsi ftit iktar realistiku - huwa li pajjiżna joħroġ imbenġel waħda sew minn din il-kriżi u l-affarijiet sa bħal daż-żmien sena jkunu għadhom qed jirkupraw.
L-ewwel nett il-pajjiż mhux se jkollu aptit imur għal elezzjoni u t-tieni nett l-ekonomija tkun għadha ġġammjata, il-kunfidenza tal-konsumatur tkun għadha baxxa, nies bla xogħol jibdew ifittxu u t-turiżmu jkun għadu biss beda jirpilja. Din żgur li tkun riċetta biex Abela jitlef ħafna mill-appoġġ li kellu Joseph Muscat.
F'dan ix-xenarju allura l-PM jistenna sal-2022 u allura sal-aħħar u jimmassimizza l-2021 biex jerġa’ jikseb ekonomija b'saħħitha u joħloq sens ottimist li jagħtih l-appoġġ meħtieġ.
L-aħħar xenarju huwa dak fejn l-ekonomija tkun għadha batuta u mbenġla iżda l-bżonn ta' miżuri fiskali iebsin ikun ifisser li għal Abela jkun jaqbel li jmur għal elezzjoni li jista' jirbaħ fuq l-għajta li żamm lill-pajjiż - b'xi mod - fil-wiċċ, milli jidħol fiċ-ċans li jitlef l-elezzjoni u jtemm l-"era Laburista" u ma jkunx rebaħ l-ewwel elezzjoni tiegħu, minħabba miżuri iebsin u mhux popolari qabel l-elezzjoni.
Biċċa biċċa mill-war chest...
Din il-ġimgħa l-PM qal illi din li qed iħabbar il-miżuri biċċa biċċa hija parti minn strateġija. Jekk vera hija hekk vera ma jinħassx li huwa hekk.
Iktar deher li qed jirreaġixxi għall-fatt li l-imsieħba soċjali kollha qajmu l-irwiefen u qalu li t-tieni pakkett finanzjarju ma kienx biżżejjed.
Wieħed jista' jifhem illi l-Gvern ikun irid jippjana aħjar u jqassam aħjar mill-flus li għandu għax kif qal waqt il-konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tlieta, ħadd ma jaf is-sitwazzjoni kemm se ttul.
Il-problema b'din "l-istrateġija" iżda hija illi kull darba settur jew setturi qed iħossuhom li tħallew barra. 'U allura għalfejn mhux jien? Għalfejn mhux issa? Mela jiena mhux ukoll?'
Dan huwa sentiment ovvju li se jqum kull darba li se jħabbar xi ħaġa.
Dan apparti li, kif kien hemm min innota, il-mod ta' kif il-miżuri se jiġu implimentati qed jitħallew għall-immaġinazzjoni tan-nies - kulħadd jistaqsi, ħadd ma jaf xi jrid jagħmel eżatt, jekk iridx japplika hu jew le għall-għajnuna.
Jidher li hemm problema ta' komunikazzjoni, xi ħaġa li l-PL kien qed jeċċella fiha dawn l-aħħar snin. Bħalissa huwa importanti illi l-poplu jibqa' jisma' u jifhem kull dettall tal-miżuri - l-ewwel nett biex kulħadd ikun jaf id-drittijiet tiegħu u t-tieni anke bħala relazzjonijiet pubbliċi.
Huwa bħalissa li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tintrebaħ jew tintilef minn partit li fl-2017 kiseb madwar 36,000 vot aktar mill-PN/PD - skont il-miżuri, l-attitudni, il-komunikazzjoni u l-abbilità li nitilqu niġru malli tintemm din it-traġedja.