F'kummenti ma' dan is-sit id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-PN għall-Kunsilli Lokali, staqsa għaliex il-wardens mhumiex qed ikunu utilizzati fi sforz biex kulħadd josserva l-liġi.
"Fejn huma l-wardens? Għaliex il-Gvern mhux jieħu s-suġġeriment tagħna għall-ġid?" staqsa Cutajar li fakkar illi l-wardens sa ftit żmien ilu kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsilli Lokali "u issa għaddew għand il-Lesa, li għadhom lanqas ppreżentaw il-kontijiet tagħhom."
Cutajar qal ili huwa faċli li l-wardens jgħinu lill-pulizija li bħalissa qed jagħmlu rondi biex jassiguraw li kulħadd isegwi l-liġi.
Intant fl-aħħar 24 siegħa inqabdu 14-il persuna jiksru l-liġi - sitta f'ġemgħat ta' aktar minn tlieta minn nies u tmienja oħra ngħataw multi minħabba li ma kinux qed josservaw il-kwarantina obbligatorja.