Numru rekord ta' każijiet ġodda; 52 persuna jirriżultaw pożittivi għall-coronavirus
Minn dawn ħadd minnhom ma kien resident jew għandu rabta maċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Safi; Każ wieħed f'dar tal-anzjani
minn Yendrick Cioffi
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa, Malta rreġistrat 52 każ ġdid ta' coronavirus, b'erba' mill-pazjenti jkunu Għawdxin u l-bqija Maltin biex issa Malta għandha 293 każ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci, Fearne saħaq li għall-kuntrarju tax-xniegħat li bdew iduru fuq il-midja soċjali, il-każi l-ġodda ma jidhirx li huma relatati maċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far.
Minkejja dan in-numru rekord ta' każijiet, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan l-ammont ma kienx xi sorpriża għall-awtoritajiet tas-saħħa, anke għax kienu qed jipprevedu u jippreparaw għal numru kbir ta' każijiet ġodda.
"Konnha qed nistennew li se jkollna dawn it-tip ta' figuri," saħaq Fearne waqt li insista li kienu qed jistennew li Malta tlaħħaq it-300 każ il-ġimgħa li għaddiet u dan jindika li qed taħdem l-istrateġija ta' Malta li l-kurva ma titħallix togħla f'salt u anke prova ta' kemm il-poplu qiegħed jikkoperaw mal-istruzzjonijiet.
Fil-fatt, fi kliem il-Ministru, il-miżuri kollha li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat, kollha ttieħdu għax l-awtoritajiet kienu qed iħarsu lejn dawn l-ammonti ta' każi ġodda.
"Il-kurva qed timxi skont kif konnha qed nipprevenu aħna," insista l-Ministru Chris Fearne waqt li tenna l-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa biex kulħadd jibqa' d-dar, b'mod partikolari l-anzjani u l-persuni vulnerabbli u biex noħorġu biss biex nixtru affarijiet essenzjali.
Insista li l-awtoritajiet jafu li l-każi se jkomplu jiżdiedu iżda jekk kulħadd jikkopera, dawn jiżdiedu b'mod ikkontrollat kif seħħ sa issa.
Kif wieħed jista' jifhem, dan huwa żmien diffiċli għal bosta u għalhekk twaqqaf helpline ġdid, 1770, għal min iħoss li għandu bżonn għajnuna psikoloġika. Dan is-servizz se jibda jaħdem min-nhar il-Ħamis li ġej.
Il-każi l-ġodda tal-lum; Waħda mill-pazjenti kienet residenta f'dar tal-anzjani
Min-naħa tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat kif 12-il każ minn dawn it-52 każ, ħarġu matul il-ġurnata u ħadu ħsiebhom it-tobba tal-case managment. Minn dawn sitta kienu nisa u sitta huma rġiel. Minn dawn, disa' minnhom huma Maltin u wieħed minnhom huwa Għawdxi, żewġ Indjani residenti Malta u pazjent ieħor huwa mis-Somalja iżda mhux resident fiċ-Ċentri Miftuħa.
Uħud minn dawn kellhom is-sintomi u marru għat-test filwaqt li kien hemm uħud minnhom li daħlu Mater Dei biex jagħmlu operazzjoni u meta sarilhom it-test irriżultaw pożittiv.
Il-kumplament tad-39 każ daħlu matul il-lejl u dwarhom għadha għaddejja l-investigazzjoni fejn qed isir kuntatt ma' persuni oħra li seta' kellhom kuntatt magħhom u għalhekk setgħu ġew esposti għall-virus.
Minn dawn, 19 minnhom huma nisa filwaqt li 20 huma rġiel. 37 minnhom huma Maltin, inkluż tliet Għawdxin li kollha jinsabu rikoverati fl-Isptar ta' Għawdex. Iż-żewġ pazjenti l-oħra huma barranin iżda mhux residenti fiċ-Ċentru Mifuħ ta' Ħal Far.
Charmaine Gauci spjegat ukoll li każ minnhom huwa ta' anzjana residenta f'dar tal-anzjani, fejn ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji. L-anzjana tpoġġiet f'iżolament filwaqt li qed ikunu mmoniterjati wkoll l-anzjani li kellhom kuntatt magħha, inkluż dawk fil-kamra tagħha.
Minn dawn il-każi, uħud huma relatati ma' pazjenti oħra mill-istess familja li rriżultaw pożittiv fil-jiem li għaddew u ftit każi ta' pazjenti li ttieħdu minn kollegi tagħhom.
Assigurat li għalissa ma kienx hemm każi ta' gruppi kbar ta' pazjenti mill-istess post tax-xogħol.
'Jinkwetawna dawk in-nies li mhux insibu'
Charmaine Gauci tenniet l-appell tagħha biex min iħoss l-iċken sintomu jagħmel kuntatt man-numru 111 biex ikun iggwidat.
Fi kliemha, jinkwetawha l-aktar dawk il-persuni li ma jitkellmux u għalhekk ma jkunux identifikati.
Spjegat kif dawn jistgħu jkunu n-nies li jitrasmettu l-virus.
"Għalhekk importanti li nħarsu l-appelli u l-liġijiet li aħna qed indaħħlu fis-seħħ," saħqet Gauci.