Il-Prim Ministru jżur diversi ċentri tas-saħħa; Ħaddiema b'tabelli fit-twieqi

F’mumenti partikolari, dawk kollha preżenti ngħaqdu f’ċapċipa ta’ ringrazzjament u ta’ solidarjetà lejn xulxin u lejn il-poplu Malti u Għawdxi tal-koperazzjoni tiegħu

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żar u tkellem ma’ diversi ħaddiema fil-kura primarja minn għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta. 

Waqt iż-żjara, li bħala prekawzjoni seħħet barra miċ-ċentru tas-saħħa, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans jitkellem mhux biss mal-ħaddiema stazzjonati f’Raħal Ġdid imma ma’ front-liners li jaħdmu f’ċentri tas-saħħa oħrajn. 

Il-Prim Ministru sellem ukoll lil dawk il-ħaddiema li baqgħu fiċ-ċentru tas-saħħa billi ħarġu jittawlu mit-twieqi tagħhom b’għadd ta’ sinjali bil-kitba fuqhom ‘Stay Home, Stay Safe’. 

F’mumenti partikolari, dawk kollha preżenti ngħaqdu f’ċapċipa ta’ ringrazzjament u ta’ solidarjetà lejn xulxin u lejn il-poplu Malti u Għawdxi tal-koperazzjoni tiegħu.

F’kummenti li għadda, il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċji tagħhom u appella lill-poplu kollu sabiex inkunu rikonoxxenti lejn il-ħidma sfiqa ta’ kull persuna.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Primarja Roseanne Camilleri li akkumpanjat lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru matul iż-żjara.

More in Politika