Ħaddiema fil-lukanda fejn se jkunu trasferiti anzjani Għawdxin tirriżulta pożittiva għall-COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika assigurat li l-lukanda kollha ġiet iddiżinfettata qabel bdew jiġu trasferiti l-anzjani

Waħda mill-pazjenti li fl-aħħar jiem irriżultat pożittiv għall-coronavirus taħdem f’lukanda li fiha se jkunu ttrasferiti l-anzjani mir-Residenza Sant’Anna.

Meta kienet mistoqsija mill-ġurnalisti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kkonfermat li l-pazjenta kienet taħdem bħala skrivana f’uffiċċju.

Hija assigurat li qabel dalgħodu beda t-trasferiment tal-anzjani minn din ir-residenza, liema residenza tinsab fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, sar id-diżinfettar tal-lukanda kollha.

Il-lukanda, li fiha se jkunu ttrasferiti dawn l-anzjani, tinsab ir-Rabat.

Intant, fuq Facebok, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dan huwa pass importanti għax issa s-sodod se jkunu jistgħu jintużaw mill-pazjenti Għawdxin bil-Covid-19 u li jkollhom bżonn kura fl-isptar.

“Nappellaw lill-awtoritajiet tas-saħħa u Steward Healthcare biex jassiguraw li dawn is-soddod extra jkollhom l-istaff mediku adegwat maghhom. U li l-istess staff mediku jkun mħarreġ u jkollu r-riżorsi kollha necessarji,” saħaq id-Deputat Nazzjonalista.

More in Politika