Żewġ każi ġodda ta' COVID-19 u jfiequ 19-il persuna oħra

Wieħed mill-pazjenti mar jaħdem ġo uffiċċju meta kien bis-sintomi u kellu kuntatt ma' diversi kollegi

Charmaine Gauci
Charmaine Gauci

Għall-ġurnata oħra Malta rreġistrat numru żgħir ta' każi ġodda, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa, wara li saru 611-il test, irriżultaw biss żewġ każi ġodda ta' CODID-19. B'hekk, sa issa, Malta kellha 447 każ ta' coronavirus.

Apparti minn hekk, mill-bieraħ fiequ 19-il persuna oħra, għal total ta' 223 persuna. Minn dawn, tlieta kellhom bejn 60 u 69 sena.

Dan ifisser li issa l-każi attivi f'Malta, jiġifieri l-pazjenti li għad għandhom il-virus, huma 221.

Carer li taħdem f'dar tal-anzjani

Waħda mill-pazjenti hija carer ta' 60 sena li taħdem f'dar tal-anzjani.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci fakkret li qed isiru testijiet fuq il-carers li jkunu deħlin jaħdmu fid-djar tal-anzjani, hekk kif jinbidel ix-xift, ġaladarba bħalissa l-carers qed jibqgħu jgħixu fid-djar tal-anzjani għal diversi jiem.

Fil-fatt, din il-pazjenta ma' kellha l-ebda sintomi iżda nqabdet minnufih meta sarilha t-test u għalhekk ma kien hemm l-ebda kuntatt mal-anzjani li taħdem magħhom.

Persuna li tgħix magħha tpoġġiet fi kwarantina.

Ħaddiem Malti li baqa' jmur ix-xogħol bis-sintomi

It-tieni każ kien ta' Malti ta' 43 sena. Dan kellu s-sintomi fit-23 ta' April u ħareġ pożittiv. Dan jaħdem ġo uffiċċju privat u mar ix-xogħol bis-sintomi.

Kien hawn li Gauci tenniet l-appell tagħha biex kull min iħossu ma jiflaħx, anke jekk jirriżulta negattiv għall-COVID-19, jibqa' d-dar u ma jmur imkien.

Bħalissa qed isir il-contact tracing mal-kollegi u l-familja tiegħu.

Ibqgħu d-dar!

Anke jekk in-numru ta' każi ġodda reġa' kien wieħed baxx, il-Professur Gauci appellat għall-kawtela u fakkret li għad hemm riskju li persuna toħroġ mid-dar u tiltaqa' mal-virus.

Fakkret li qed ikun hemm diversi persuni li jkollhom il-virus iżda ma jkollhom l-ebda sintomu, bħalma ġara fil-każ tal-carer tal-lum.

Għalhekk dawn il-persuni ma jmorrux għat-test u jibqgħu joħorġu u jmorru għax-xogħol għax ma jkunux jafu li huwa infettati.

"Oħorġu biss jekk għandhom bżonn," saħqet Gauci.

More in Politika