Intervista | ‘Jiena din il-marda laqtitni fil-laħam il-ħaj. Mietet oħti’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mat-tabib Frank Portelli dwar l-esperjenza li għadda minnha meta oħtu sfat vittma tal-COVID-19. X’jaħseb dwar il-miżuri li ttieħdu f’Malta? Xi ppropona dan l-aħħar bħala trattament għall-pazjenti? Imma dan il-metodu possibbli? X’sar mill-offerta tiegħu biex l-isptar St. Philip’s jintuża għall-pazjenti bil-COVID-19?

Fl-intervista tal-ġimgħa , il-gazzetta ILLUM tkellmet mat-tabib Frank Portelli li fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook qed ikun voċiferu dwar il-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19, anke għax minħabba dan il-virus huwa tilef lill-oħtu li kienet tgħix l-Ingilterra.

Portelli beda billi saħaq li ħafna pajjiżi, qabel il-pandemija laqtet sew, ħaduha biċ-ċajt u fakkar fil-kummenti tal-President Amerikan Donald Trump li ddeskriva l-coronavirus bħala “ingann” u fl-aġir tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li ried jibqa’ jieħu b’idejn in-nies.

“Jiena minn meta f’Jannar bdejt insegwi dak li beda jiġri fiċ-Ċina, bdejt nistaqsi kif jista’ jkun li qed imutu dawn in-nies u aħna mhux neħduha bis-serjetà. Qalulna li ċ-Ċina tinsab ‘il bogħod iżda bl-ajruplan, f’ġurnata tasal Malta,” beda jisħaq it-tabib. 

Saħaq li oħtu ħadet dan il-virus mill-isptar, fejn fl-Ingilterra qed jużaw sistema ta’ punti skont l-età. Fi kliemu jekk ikollok 75 sena jew aktar kważi kważi lanqas jagħtu kasek. 

“Għalija dan ma jagħmilx sens għax kull ħajja hija prezzjuża,” saħaq it-tabib. “Mhux qed ngħid li ma kellha xejn. Kellha l-età. Oħti ħaditha mill-isptar. Ħafna sptarijiet fl-Ingilterra ġew infettati, fosthom għax l-infermiera ma ngħatawx l-ilbies protettiv li hemm bżonn. Hemm fallimenti kbar fis-sistema. Trid tkun ippreparat għal kollox. Jekk ħiereġ b’dgħajsa jrid ikollok ġakketta ta’ salvataġġ għal kulħadd.”

‘Lilna l-Ewropa ħallietna waħedna’

Kien hawn li qaleb id-diskors fuq Malta u appella li għandna, l-ewwel u qabel kollox, nieħdu ħsieb lilna nfusna

“Mhux biss inkunu egoisti. Nieħdu ħsieb lill-Maltin u lil min jgħix hawn. Jien mhux kontra l-Ewropa. Iżda fl-Ewropa kulħadd ħaseb għal rasu. Lilna nsewna,” insista t-tabib. 

Waqqaftu u fakkartu li kien għadu kemm qal li kull ħajja hija prezzjuża. “Jien mhux ngħid li mhux hekk. Lill-barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta rridu nieħdu ħsiebhom,” insista Portelli. “Jibqa’ l-fatt li lilna ħadd ma għena. Wara kollox, din il-marda minn barra ġiet. Il-virus importajnih.”

Kien hawn li staqsejtu jekk hux qed jissuġġerixxi li Malta għalqet l-ajruporti u l-portijiet tagħha tard. “Din bħall-gwerra. Trid tiġġieled f’kull livell u l-ewwel mossa tkun li ma tħallix l-għadu, f’dan il-każ il-virus, jidħol Malta,” insista t-tabib Portelli.

Mhux biss inkunu egoisti. Nieħdu ħsieb lill-Maltin u lil min jgħix hawn. Jien mhux kontra l-Ewropa. Iżda fl-Ewropa kulħadd ħaseb għal rasu. Lilna nsewna

Skontu, it-testijiet u t-temperatura kellhom jittieħdu qabel mat-turist jitlaq lejn Malta u mhux malli jasal waqt li fakkar fil-każ tal-istudent Spanjol li ġie ġimgħa Malta, tħallat maż-żgħażagħ u rriżulta pożittiv għall-coronavirus fl-ajruport huwa u sejjer lura.

‘Irridu mmorru pass lura u naraw f’ġara...’

Erġajt waqqaftu u fakkartu li f’Malta kollox qed jindika li rnexxielna nżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll. Kellna numri żgħar ta’ każi ġodda u għalhekk ma nistgħux nikkritikaw l-istrateġija f’Malta, anke għax faħħritha wkoll l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.

“Trid tikkwota n-numri skont kemm inkunu għamilna testijiet. Filli għamilna 1,200 test u kien hemm ġranet fejn għamilna ftit aktar minn 500 test. Jekk ngħidlek erba’ minn 500, dawk huma tmienja minn 1,000 u għaxra minn 1,200,” insista Portelli. “Ma jagħmilx sens li filli għandek 50 u f’salt wieħed inżilna għal każ wieħed. Fix-xjenza din ma tagħmilx sens. Jekk tlajt għal 50 każ f’ġurnata, tibda tinżel ftit ftit. Dawn in-numri mhumiex kredibbli.”

Allura qed jallega li l-awtoritajiet mhux qed jgħidu l-verità? Ma jaħsibx li ma nkunux ġusti jekk naħsbu hekk?

“Jiena mhux hekk qed ngħid,” insista Portelli. “Jiena qed ngħid biss li fix-xjenza dak li ġara ma jagħmilx sens, allura tkun trid tmur pass lura u tistaqsi x’ġara.”

Kien hawn li spjega li jista’ jkun hemm diversi fatturi li setgħu waslu għal dan, fosthom il-bidla tal-iswabs li ntużaw.

“Jekk bdejt tuża swab, trid tibqa’ tuża l-istess swabs u mhux tixtri oħrajn, forsi għax irħas,” insista Portelli. “Din bħal meta tintiżen. Trid tintiżen dejjem fl-istess ħin u bl-istess ħwejjeġ. Kien hemm affarijiet li varjaw, u meta l-affarijiet ivarjaw, il-graph se tvarjalek.”

‘Irridu nittestjaw il-hotspots’

Żball ieħor, li fi kliem Portelli qed isir huwa li mhux qed isiru testijiet fil-hotspots. “Għandna hotspot f’Ħal Far. Irrid nittestja lil kulħadd,” saħaq Portelli.

Erġajt fakkartu li f’dan iċ-ċentru miftuħ tal-immigranti qed isiru testijiet kuljum fuq l-immigranti, mhux biss fuq dawk li għandhom is-sintomi, l-istess kif qed isir f’Mater Dei.

“Mhux biżżejjed random testing,” insista Portelli. Saħaq li dan ma jgħoddx biss għaċ-ċentri tal-immigranti iżda għall-kwalunkwe hotspot, anke fejn hemm Maltin f’post wieħed u kulħadd jitħallat u ma jifhimx xi jfisser social distancing. “Nittestja lil kulħadd mhux ftit ftit.”

Fakkar li fil-Ġermanja hekk għamlu u żammewha taħt kontroll. “Biex inkun naf lil min se niżola, lil min se nagħmel kwarantina, irid ikolli l-informazzjoni,” kompla Portelli waqt li appella wkoll għat-testijiet f’dawk li hu jiddeskrivi bħala ‘weak spots,’ bħal ngħidu aħna d-djar tal-anzjani. 

‘L-iżolazzjoni għandha ssir f’post wieħed’

F’Malta, il-maġġoranza tal-pazjenti jinsabu f’iżolament fid-dar tagħhom, iżda lanqas dan ma jogħġob lil Portelli, għax fi kliemu, f’pajjiżi bħaċ-Ċina sabu li ma taħdimx.

Fuq il-midja soċjali tiegħu, it-tabib Portelli kemm-il darba saħaq li ma jaqbilx li l-pazjenti bil-COVID-19 ikunu mifruxa. Nafu li hemm pazjenti f’Mater Dei, inkluż fl-ITU, fl-isptar St. Thomas, fl-isptar Boffa, fl-isptar Monte Karmeli u oħrajn. Għaliex jaħseb hekk?

“Ġennata,” wieġeb. “L-iżolazzjoni għandha ssir f’post wieħed ... mingħalina għandna żvantaġġ, imma fl-opinjoni tiegħi għandna vantaġġ. Malta hija gżira. Malta kienet famuża għall-iżolazzjoni. Kellna sptar għall-iżolazzjoni f’Manoel Island. Meta ġie Thomas Maitland, gvernatur ta’ Malta, kellu joqgħod f’iżolazzjoni għax kien vjaġġa mill-Ingilterra,” kompla jisħaq huwa u jikkwota mill-istorja. “Ma tagħmilx sens li qed nagħmlu lockdown għall-infermiera u l-carers u mbagħad il-pazjenti f’iżolazzjoni huma mifruxa ma’ Malta kollha.”

Appella biex dan il-virus jittieħed bis-serjetà waqt li kompla mal-appelli tal-awtoritajiet li qed jappellaw għar-responsabbilità soċjali. “Jekk jimrad it-tifel tiegħi se jagħtiha lili. Jiena qbiżt is-70 u allura jiena persuna vulnerabbli. Iċ-ċansijiet tiegħi huma 50-50%. Dik hija l-verità. Mhux qed nivvinta. Bniedem anzjan għandu ż-żmien kontrih ... ma jfissirx li min hu iżgħar ma jistax imut. Kien hemm waħda li għandha ‘l fuq minn 100 sena li fieqet,” saħaq Portelli. “Tirbaħ lill-għadu għax tirrealizza li huwa perikoluż.”

Xi trattament qed jipproponi Portelli?

Din il-ġimgħa, ħarġet ukoll l-aħbar li fir-Renju Unit se jibdew jużaw id-demm ta’ persuni li fiequ mill-COVID-19 għat-trattament tal-pazjenti. Portelli wkoll kiteb paper u li fiha qed jipproponi wkoll forma ta’ trattament. X’qed jipproponi eżatt? 

Portelli spjega li meta pazjent rebaħ lill-virus, il-ġisem jifforma dawk li jissejħu antibodies, fi kliem sempliċi, mekkaniżmu ta’ difiża li jiżviluppa l-ġisem biex jiġġieled il-virus. 

Jiena ma ngħidx mietu erba' persuni. Jiena ngħid mietet, omm, nanna, oħt. Hemm familji warajhom

“Hawn fenomenu ġdid. Jeżistu carriers. Dawn huma persuni li meta tittestjahom joħorġu pożittivi iżda sintomi ma jkollhomx. Dawn bilfors għandhom ħafna antibodies,” spjega t-tabib. “Jiena qed nipproponi dan: Ejjew nieħdu d-demm tagħhom. Nieħdu ċ-ċelloli bojod u nużaw il-plasma tagħhom. Hemm teknika stabbilita kif din tinħasel, allura tneħħi l-viruses u tkun tista’ tintuża għat-trattament tal-pazjenti.”

Portelli jinsab ottimist li ‘l bogħod mill-istigma, dawn il-carriers jistgħu jgħinu fit-trattament tal-pazjenti l-oħra. “Il-carrier kulħadd jibża’ minnu, jiena naħseb li jista’ jgħin ... ovvjament tieħu l-prekawzjonijiet kollha.”

Imma dan li qed jipproponi jista’ jsir? Huwa metodu stabbilit mill-WHO? Wieġeb li l-idea tal-carriers hija proposta li ħareġ biha hu u li sa issa mkien mhu qed tintuża. “Li tintuża l-plasma hija prattika komuni,” spjega Portelli. 

‘F’din il-marda trid toħroġ b’ideat ġodda’

Iżda waqqaftu u fakkartu li proposta bħal din irid isir l-istudju fuqha. Ma jfissirx li għax qalha Frank Portelli tista’ ssir. Iżda wieġeb minnufih li l-akbar sejbiet fix-xjenza saru b’kumbinazzjoni, b’sempliċiment osservazzjoni.

“We have nothing to loose,” insista Portelli. “Irridu nagħmlu affarijiet ġodda li ħadd ma għamilhom qabel biex nimxu ‘l quddiem.”

Huwa spjega kif din il-proposta tiegħu bagħtha għall-approvazzjoni tar-Royal Society of Medicine. Insista li ħadd ma għandu jeħodha bi kbira għax Maltin jagħmlu skoperta waqt li fakkar li kien Sir Temi Zammit li sab is-sors tad-deni rqiq. 

“Aħna għandna moħħ bħal ħaddieħor. X’se jagħmlu? Se jwaqqawni għaċ-ċajt? Jiena ħriġt b’idea. Żgur li ma għandna xejn x’nitilfu,” saħaq it-tabib. 

Propost oħra tat-tabib Portelli huwa li meta persuna bil-COVID-19 tibda tħoss l-iċken sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs, tiddaħħal minnufih fil-hyberbaric chamber, metodu li beda jintuża barra minn Malta. 

“F’din il-marda trid toħroġ b’ideat ġodda,” insista t-tabib. “L-ideat ta’ kulħadd importanti. Tiżinhom. Aħna nirbħu rridu u mhux naraw ta’ min hi l-idea. Jekk idea ta’ xi ħadd hija aħjar minn tiegħi, aħjar.”

Rosalie Freestone-Bayes - Oħt Frank Portelli
Rosalie Freestone-Bayes - Oħt Frank Portelli

‘Jiena mġarrab ... il-virus qatilha’

Kien hawn li t-tabib insista li hu mġarrab. “Jiena din il-marda laqtitni fil-laħam il-ħaj. Jiena mietet oħti. Mhux xi ħadd li naf. Xi ħadd li jiena trabbejt magħha. Mhux kienet se tmut xorta. Dan il-virus qatilha. Jiena ma ngħidx mietu erba' persuni. Jiena ngħid mietet, omm, nanna, oħt. Hemm familji warajhom. Tgħidlix kienet ġo sodda. Kellu bżonn għad għandi ommi fis-sodda,” saħaq mal-ILLUM Portelli. “Ħa ngħidlek kemm hi sabiħa l-ħajja. Anzjana ta’ 93 qed taħdem il-maskri għall-carers.”

Semmejna l-maskri. Jaħseb li għandu jkun obbligatorju li persuna tilbes il-maskra? Wieġeb minnufih li jekk persuna se toħroġ barra u taf li se tiltaqa’ man-nies għandha tilbes il-maskra. Fakkar li hemm persuni li huma carriers tal-virus iżda sintomi ma għandhomx u għalhekk, bil-maskra, aktar milli wieħed jippreveni li jaqbdu l-virus, ikun qed inaqqas ir-riskju li jxerrdu u jgħaddih lil ħaddieħor.

“Il-virus irridu nipprovaw nagħlqulu l-bibien minn kullimkien. Noqogħdu ‘l bogħod min-nies, nilbsu l-maksra u naħslu jdejna,” saħaq Portelli. “Trid tagħmel minn kollox ... jiena nżid li apparti li taħsel idejk, taħsel ukoll wiċċek. Wiċċna l-ħin kollu mmissuh. Din irridu nibdewha mill-iskola.”

X’sar mill-offerta tal-isptar St. Philip’s?

Fl-aħħar nett, l-ILLUM staqsiet ukoll lit-tabib portelli dwar l-offerta tiegħu lill-Gvern biex l-isptar St. Philip’s jintuża għall-pazjenti bil-COVID-19. Portelli lest joffri sa 300 sodda. 

“Jiena offrejt l-isptar tiegħi mhux lill-Gvern Malti. Jien offrejtu lill-poplu Malti, lil-Laburisti, lin-Nazzjonalista, lill-barranin, lil kulħadd. Jiena ma stajtx narana darna mal-ħajr, saħansitra se nixtru pre-fabricated hospital u ma noffri xejn,” saħaq Portelli.

Spjega kif ovvjament, skont għalxiex ikun se jintuża, kien ikun hemm bżonn xi xogħlijiet strutturali u anke x-xiri ta’ apparat. 

“Jiena għidt ix-xogħlijiet jagħmilhom il-Gvern, bħal meta krejt dar u attrezzajtha kif trid inti u t-tagħmir kollu jibqa’ tal-Gvern,” spjega t-tabib Portelli. “Aħna ma naqilgħux ċenteżmu ... għidt li l-kera tkun ikkalkulata biss fuq ftehim li kien diġà sar. Fi żmien Gonzi kien hemm deċiżjoni tal-kabinett u għalhekk l-Oppożizzjoni ma tistax ma taqbilx.”

‘Lill-Covid se nirbħulu imma lill-politika le...'

Kien hawn li t-tabib Portelli insista li hu għamel biss kundizzjoni waħda. “Basta ma hemmx politika. Il-politika qed tirrovina kollox f’dan il-pajjiż. Ninsabu fi Gwerra. Fi żmien il-Gwerra ħadd ma qagħad jgħid li dak ta’ Boffa u dak ma’ Strickland.”

Iddeskriva bħala “ġennata” d-deċiżjoni li jinxtara pre-fabricated hospital meta hu qed joffri l-isptar St. Philip’s, mibni fuq medda kbira ta’ art, fuq tliet toroq u bil-ġnien b’kollox u dan apparti li jinsab viċin Mater Dei.

“Kieku jridu jistgħu jagħmlu l-iżolazzjoni tal-pazjenti kollha hemm,” insista Portelli. “Ma tistax tagħmilhom ġo pre-fabricated hospital għax dan ma għandux art miegħu.”

Temm b’appell wieħed. Tenna li dan mhux żmien il-politika. “Xi darba lil dan il-COVID se nirbħulu ... imma lill-politika mhux se nirbħulha jekk ma nifhmux il-ħsara li qed tagħmel.”

More in Politika