Aġġornata | Cardona jikkonferma li se jirriżenja mill-Parlament iżda se jibqa' Deputat Mexxej

Cardona ilu mill-2016 Deputat Mexxej wara li ħa post Konrad Mizzi li kellu jirriżenja ftit wara li ħa l-kariga hekk kif ismu ħareġ fil-Panama Papers

Id-Deputat Laburista Chris Cardona se jirriżenja mill-Parlament għada u dan ftit xhur biss wara li ma sabx postu fil-kabinett ta' Robert Abela, anke jekk hu kien qal li d-deċiżjoni kienet tiegħu stess.

Ħabbar dan is-sit MaltaToday u ftit tal-ħin wara, mas-sit LovinMalta, l-eks Ministru għall-Ekonomija kkonferma li se jirriżenja minn Deputat iżda  insista li se jibqa' Deputat Mexxej.

Meta kien intervistat waqt XTRA, f’Jannar li għadda, Cardona qal li l-politiċi għandhom “data ta’ skadenza,” iżda kien insista li fadallu aktar x’joffri lill-Partit Laburista.

Skont sorsi viċin il-Partit Laburista jidher li Cardona qed jiffoka aktar fuq il-professjoni tiegħu u huwa involut ma’ diversi kumpaniji, anke barranin u skont is-sorsi ftit li xejn għandu ħin għall-politika.

Skont l-istess sorsi li tkellmu mas-sit, canvassers ta' Cardona bdew ixammru l-kmiem biex issa jassistu lis-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq it-Tmien Distrett.

Cardona ilu mill-2016 Deputat Mexxej wara li ħa post Konrad Mizzi li kellu jirriżenja ftit wara li ħa l-kariga hekk kif ismu ħareġ fil-Panama Papers.

Dak iż-żmien, Cardona kien ikkontesta kontra Owen Bonnici fejn qabżu b'50 vot.

Il-kontroversji ma naqsux...

Fl-aħħar żmien, Cardona ma kienx nieqes mill-kontroversji, fosthom meta f'Jannar tal-2017, Daphne Caruana Galizia kienet akkużatu li żar il-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta kien fuq żjara uffiċjali tal-Gvern.

Cardona dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u kien fetaħ libelli lil Caruana Galizia. Madanakollu, dawn il-libelli waqgħu wara li l-qtil tal-ġurnalista.

F'Novembru tal-2019, Cardona kien issospenda lilu nnifsu minn Ministru wara l-arrest ta' Yorgen Fenech, hekk kif ismu rriżulta fl-investigazzjoni tal-Pulizija.

Isem Cardona kien fuq ittra li waslet għand Fenech, meta kien fuq police bail, allegatament permezz tat-tabib tiegħu. 

Allegatament, din l-ittra kitibha Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta' Joseph Muscat u kienet timplika lil Cardona fl-assassinju tal-ġurnalista.

Cardona kien mistoqsi dwar dan mill-Pulizija iżda l-investigaturi jemmnu li din l-ittra kienet attentat ta' frame-up fuq l-eks Ministru.

Fil-fatt, Cardona reġa' sab postu fil-kabinett ftit jiem wara sakemm Robert Abela ħa l-ġurament ta' Prim Ministru u ħatar kabinett ġdid.

Isem Cardona kien reġa' ssemma mill-intermedjarju tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, meta qal li viċin it-tinda tal-Patata, fejn ġew arrestati t-tliet irġiel akkużati li poġġew u attivaw il-bomba, kien instab mowbajl fil-baħar u fuqu kien hemm biss in-numru ta' Cardona.

Skont Theuma, din l-informazzjoni kien qalilu Yorgen Fenech.

More in Politika