Joseph Muscat 'b'nota' dwar ix-xenarji ekonomiċi li jistgħu jiżviluppaw kawża tal-pandemija

TVM jikkwota "nota" maħruġa minn dak li sejaħħlu "l-uffiċċju ta' Dr Muscat" dwar it-tbassir ekonomiku u x-xenarji li jistgħu jiżviluppaw fix-xhur li ġejjin

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ibassar li l-ekonomija Maltija se tonqos bi 2.1% u fl-agħar xenarju anke tonqos bi 12.5%, iżda jbassar ukoll li l-probbabilità hija li din se tirkupra s-sena d-dieħla bi tkabbir ta’ aktar minn 3%.

Dan kien irrapportat fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM hekk kif saħaq li għandu f’idu “nota ekonomika mill-Uffiċċju ta’ Dr Muscat.”

Skont kif kkwotat minn TVM, l-agħar xenarju li qed iħares lejn Joseph Muscat huwa li l-ekonomija Maltija ma tirkuprax is-sena d-dieħla u tkompli tirreġistra tnaqqis fir-ritmu ekononiku. Mill-banda l-oħra, fl-aħjar xenarju possibbli, l-ekonomija tirpilja f’qasir żmien din is-sena.

Filwaqt li “n-nota” tisħaq li l-aktar settur milqut se jkun it-turiżmu, setturi oħra li se jbatu se jkunu s-servizzi professjonali, is-servizzi finanzjarji u l-manifattura ta’ prodotti mhux essenzjali.

Tgħid ukoll li Muscat qed ikun “konservattiv” fit-tbassir tiegħu waqt li nnota li l-ekonomija Maltija, fl-aħħar snin, marret aħjar mit-tbassir tal-aġenziji internazzjonali.

Anke jekk ikollna tilqima malajr, Muscat ibassar li t-turiżmu xorta ser jonqos b’90% u l-manifattura tnaqqas bi 15%.

Xenarju ieħor, li lejh qed iħares Muscat, huwa li jekk l-imxija terġa’ taqbad fil-ħarifa u x-xitwa li ġejja, din se twassal biex ir-restrizzjonijiet fuq safar u l-attività ekonomika jibqgħu fis-seħħ sar-rebbiegħa tas-sena d-dieħla. 

More in Politika