Wara li xehed fl-inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li l-Forzi Armati ta’ Malta wettqu sabutaġġ fuq dgħajsa tal-immigranti li ma ġewx salvati, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar u tond meta saħaq li l-portijiet ta’ Malta se jibqgħu magħluqa sakemm l-Unjoni Ewropea taqbel dwar ir-rilokazzjoni tagħhom.
Quddiem il-Qorti, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru saħaq li f’laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Ġimgħa, kien sod u insista ma’ Ursula von der Leyen li l-ebda immigrant mhu se jiddaħħal Malta qabel ikun hemm qbil u soluzzjoni biex dawn ikunu rilokati fi stati membri oħra.
Ikkonferma li von der Leyen talbet lill-Gvern Malti biex l-immigranti, li bħalissa jinsabu bejn sema u ilma fuq bastiment tal-Captain Morgan, jitniżżlu Malta.
“Kelli diskussjoni pjuttost twila mal-President tal-Kummissjoni Ewropea nhar il-Ġimgħa u l-pożizzjoni tagħna hija li għandu l-ewwel jintlaħaq qbil mal-Kummissjoni. Qabel ikun hemm soluzzjoni, Malta mhux se ddaħħal immigranti,” insista Abela.
Spjega kif il-Kummissjoni trid li s-soluzzjoni tibda bil-kontra, jiġifieri li l-ewwel Malta tilqa’ l-immigranti u wara tkun diskussa r-rilokazzjoni.
“Nafu x’ġara fil-passat, meta ħallejna l-immigranti jidħlu u wara ma nstabitx soluzzjoni għar-rilokazzjoni,” kompla l-Prim Ministru.
Mistoqsi dwar il-56 immigrant li bħalissa jinsabu fuq il-bastiment tal-Captain Morgan, il-Prim Ministru assigura li dawn qed jingħataw l-ikel, ix-xorb u l-mediċina kollha li jkun hemm bżonn.
“Fl-aħħar mill-aħħar, infakkar li qed nitkellmu fuq nies. Ejja ma ninsewx dan. Dan ma għandux x’jaqsam mar-razziżmu,” insista Abela waqt li tenna li hija propju minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 li fil-fatt Malta ma tistax tilqa’ aktar immigranti.
Din l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Joe Mifsud u dan wara li l-organizzazzjoni Repubblika għamlet rapport kriminali lill-Pulizija dwar dan il-każ.
L-għan tal-inkjesta huwa li tinvestiga allegat inċident fejn is-suldati qed ikunu akkużati li wettqu sabutaġġ fuq id-dgħajda bl-immigranti u li Malta qed tonqos milli salva immigranti li jkunu fiż-Żona tat-Tiftix u s-Salvataġġ tagħha u minflok qed tibgħat lill-immigranti lura l-Libja.
L-ewwel allegazzjonijiet, li jinvolvu lis-suldati, ġew miċħuda u dan wara evidenza ġdida li tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet li oriġinarjament għamlet l-NGO Alarm Phone.
Madanakollu, il-Maġistrat issa qed jinvestiga jekk Malta hux qed tonora l-obbligi internazzjonali tagħha biex tikkoordina l-missjonijiet ta’ salvataġġ fiż-Żona tat-Tiftix u s-Salvataġġ tagħha u tidentifika port sigur għall-immigranti.
Ir-rapport kriminali sar kontra l-Prim Ministru Robert Abela u l-kmandant tal-armata, il-Brigadier Jeffrey Curmi