Il-Prim Ministru jappella għal kompromess dwar il-bejgħ u l-prezz tal-maskri

Il-Kamra tal-Ispiżjara ordnat lill-ispiżeriji biex ma jbigħux maskri wara li mil-lum ġie rregolat il-prezz tal-maskri u l-visors

Il-Prim Ministru Robert Abela, filwaqt li ddefenda l-avviż legali li permezz tiegħu se jkun ikkontrollat il-prezz tal-maskri u l-visors, appella biex jintlaħaq kompromess li jissalvagwardja kemm lill-klijenti u anke lill-ispiżjara.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ordnat lill-ispiżeriji biex ma jbigħux maskri u lanqas visors għax ma kinitx ikkonsultata. Mil-lum l-ogħla prezz tas-surgical masks se jkun ta’ €0.95 u dak tal-visors se jkun ta’ €5.

"Il-konsultazzjoni għaddejja. Ma aħniex Gvern li nimponu iżda Gvern li jiddiskuti. Nifhmu t-tħassib tal-ispiżjara iżda rridu nħarsu wkoll lejn il-perspettiva ta' min qed jgħid li l-prezz għandu jkun irħas," saħaq il-Prim Ministru.

Abela, filwaqt li kkonferma li mhux se jkun hemm penali fuq l-użu tal-maskri, appella biex kulħadd jimxi mal-appelli u jilbes il-maskri fl-istabbilimenti u t-trasport pubbliku.

"Anke jien ilbist maskra fil-Qorti. Mhijiex kwistjoni ta' penali," saħaq Abela. "L-avviż legali huwa ċar...Jekk is-Supretendent tas-Saħħa toħroġ direttiva, kulħadd għandu jobdi, kemm jekk hemm multi u anke jekk le."

More in Politika