€200,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti għall-każini tal-baned

Anke jekk il-festi tħassru, il-Ministru Sciclcuna rrikonoxxa li d-dħul finanzjarju għal dawn l-għaqdiet naqas jew waqaf

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari Edward Scicluna, bħala l-Ministru li jamministra l-Fond għall-Kawżi Ġusti, ta s-somma ta’ €200,000 lill-Għaqda Każini tal-Banda, sabiex jitqassmu f’ammonti ndaqs bejn il-Każini tal-banda kollha ta’ Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-Ministeru saħaq li dan qed isir  b’rikonoxximent għall-impenn soċjo-kulturali li dawn il-każini jagħtu lejn is-soċjetà Maltija, fejn il-maġġoranza tagħhom jagħmlu dan fuq bażi volontarja.

“Din hija sena partikolari fejn minħabba l-pandemija Covid-19, qed jiġu mħassra l-festi kollha li s-soltu jsebbħu s-sajf Malti u Għawdxi, iżda f’dan il-mument hekk jeħtieġ li jsir għal ġid tas-saħħa tal-poplu tagħna. Ir-restrizzjonijiet li daħħlu, fisser ukoll li l-introjtu finanzjarju għal dawn l-għaqdiet naqas jew waqaf u dan ġab sfidi oħra għall-kumitati li jmexxu l-għaqdiet,” insista l-Ministru.

Il-Ministru Scicluna kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.

L-Għaqda Każini tal-Banda kienet rappreżentata għal din il-laqgħa mill-President Dr Noel Camilleri, mit-Teżorier is-Sur Christopher Briffa u mil-Amministratur tal-Għaqda s-Sur Rendell Micallef. 

Il-każini tal-baned huma mitluba jibgħatu ittra bid-dettalji tagħhom, liema ittra trid tkun iffirmata mill-President u t-Teżorier tal-għaqda kkonċernata u mibgħuta lill-

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari

Good Causes Fund – Skema Covid-19 Każini tal-Baned

Maison Demandols, Triq in-Nofsinhar

Il-Belt Valletta

 Sa mhux aktar tard mill-Erbgħa 13 ta’ Mejju 2020.

Iċ-ċekkijiet lill-każini tal-banda ser ikunu qed jintbagħtu sal-aħħar ta’ Mejju 2020. 

More in Politika