Żewġ pazjenti ġodda bil-COVID-19 fosthom carer li taħdem f'Karin Grech
Din il-carer sarilha t-test wara li kienet taħdem fl-istess sala fejn kien hemm l-anzjan ta' 81 sena li tilef ħajtu lbieraħ
More in Politika
Din il-carer sarilha t-test wara li kienet taħdem fl-istess sala fejn kien hemm l-anzjan ta' 81 sena li tilef ħajtu lbieraħ
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, fil-bulettin mediku ta' kuljum spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa saru 1,392 test u minnhom rriżultaw żewġ każijiet oħra ġodda ta' COVID-19. Fuq nota pożittiva, fiequ erba' persuni oħra biex hekk it-total huwa ta' 407. Hekk Malta għandha 72 każ attiv.
Waħda mill-pazjenti l-ġodda bil-COVID-19 hija carer li taħdem fl-isptar Karin Grech u kienet waħda mill-persuni li ġew ittestjati wara li lbieraħ miet anzjan ta' 81 sena fl-istess sptar. Fil-fatt ġew ittestjati kemm pazjenti u anke ħaddiema.
Din il-persuna hija mill-Filippini u li għandha 32 sena. Jirriżulta li din il-carer kellha xi sintomi fl-4 ta' Mejju, inkluż deni u anke dijarea.
B'kollox saru testijiet fuq 15-il pazjent li kienu fl-istess sala mal-anzjan li miet ilbieraħ u 56 test fuq l-istaff li seta' kellhom kuntatt mal-pazjent. Dawn kollha ħarġu negattivi.
Il-pazjenta l-oħra hija Maltija ta' 30 sena li kellha diversi sintomi. Din ma kinitx qed taħdem u sar kuntatt mal-familja kollha tagħha.
X'sar mill-pazjenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far?
Charmaine Gauci fakkret li f'dan iċ-ċentru kien hemm total ta' 50 persuna.
Minn dawn, 21 persuna fiequ u għamlu sebat ijiem oħra fi kwarantina.
29 każ ieħor għadhom pendenti u minn dawn 19 ġew iċċertifikati li fiequ iżda qed jagħmlu sebat ijiem ta' kwarantina.
Ħafna qed jikkoperaw mal-miżuri ta' rilaxxament
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li l-awtoritajiet qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fit-toroq hekk kif ġew irilaxxati xi miżuri.
Faħħret il-fatt li l-ħwienet qed jimxu mal-istruzzjonijiet u anke nnutat li l-poplu fehem li jrid jilbes il-maskra fil-ħwienet kollha u fuq it-trasport pubbliku.
Fi kliemha, jekk kulħadd jibqa' jikkopera, is-sitwazzjoni se tinżamm taħt kontroll.