Il-bastiment Alan Kurdi, bastiment li permezz tiegħu jkunu salvati l-immigranti, jinsab fil-port ta' Palermo hekk kif ġie ssekwesrat malli daħal b'għadd ta' immigranti.
Skont il-midja Taljana, fuq il-vapur kien hemm nuqqasijiet tekniċi u anke operattivi li jpoġġu lill-ekwipaġġ u lill-immigranti fil-periklu.
L-Alan Kurdi u vapur ieħor kienu salvaw total ta’ 183 immigrant, li ddaħħlu fil-port ilbieraħ wara li ntemm il-perjodu ta’ kwarantina.
Sar ftehim biex dawn l-immigranti jkunu rilokati f'pajjiżi Ewropej. It-talba saret mill-Gvern Ġermaniż, hekk kif Alan Kurdi huwa rreġistrat fil-Ġermanja.
Rapporti oħra qed jisħqu li fl-aħħar ħinijiet daħlu diversi immigranti f'Lampedusa. Hu mifhum li waslu xejn inqas minn 200 persuna fl-aħħar ħinijiet.