Aġġornata | Tmienja jikkonfermaw li applikaw għall-kariga ta' Kummissarju hekk kif tagħlaq l-applikazzjoni
Din hija l-ewwel darba li saret sejħa pubblika għall-kariga ta' Kummissarju tal-Pulizija

minn Yendrick Cioffi

L-Avukati Mary Muscat, Herman Mula u Frankie Sammut, il-prokuratur legali Sandro Camilleri, l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo u l-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafà, u anke l-Ispettur Robert Vella tefgħu isimhom għall-kariga ta' Kummissarju ta' Pulizija u dan hekk kif is-sejħa għalqet ilbieraħ. Mhux eskuż li aktar persuni tefgħu isimhom.
L-ewwel li kkonfermat dan fuq Facebook kienet l-eks Spettur Mary Muscat. “Hija deċiżjoni diffiċli, imma jew se jkun hemm bidla professjonali għall-Korp jew inkella se nibqgħu fejn aħna,” kitbet Muscat fuq Facebook.
Min-naħa tiegħu Herman Mula, huwa l-Avukat li qed jiddefendi għadd ta' suldati akkużat li wettqu sabutaġġ fuq dgħajsa mimlija immigranti. Huwa rriżenja mill-Korp is-sena li għaddiet, wara li kien ilu 18-il sena jservi bħala Spettur.
Frankie Sammut huwa investigatur ewlieni fis-sezzjoni dwar l-immigrazzjoni u anke jifforma parti mill-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija.







Sandro Camilleri huwa Spettur u prosekutur legali. Huwa l-fundatur tal-Police Officers Union. Mal-gazzetta ILLUM Sandro Camilleri, kien saħaq li ħafna huma dawk il-Pulizija li qed iħeġġuh japplika.
Alexandra Mamo wkoll gradwat bħala Avukat riċentament u hija 25 sena fil-Korp tal-Pulizija.
Intant, il-gazzetta ILLUM, fl-aħħar jiem żvelat kif l-aktar li qed jissemma’ huwa Angelo Gafà li preżentament huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija. Qabel intagħżel bħala Kap Eżekuttiv, Gafà serva fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur u kien ukoll membru tas-Servizzi Sigrieti. Kien ukoll logotenent tal-Forzi Armati ta’ Malta
L-Ispettur Robert Vella wkoll qal mal-gazzetta ILLUM li kien qed jikksundiraw serjament li jitfa' ismu u hekk għamel ilbieraħ. Vella huwa stmat ħafna fil-Korp tal-Pulizija. Ilu 12-il sena Spettur tal-Pulizija u kien ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Police Association. L-Ispettur Vella huwa magħruf għall-fatt li f'idejh ikollu s-sigurtà ta' attivitajiet kbar tal-massa, partikolarment dawk sportivi, fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali.
Dan is-sit jinsab infurmat li wara l-investigazzjoni dwar is-sahra tal-Pulizija tat-Traffiku, li waslet biex 36 uffiċjal jinsabu fuq police bail, l-istess Spettur tqabbad jieħu ħsieb dak kollu li għandu x'jaqsam mas-sahra u l-off-duty tal-Pulizija. Fil-fatt, hu mifhum, li se jkun qed jitwaqqaf uffiċċju apposta għal dan il-għan.
Kif se jintagħżel il-Kummissarju l-ġdid?
- L-applikanti jpoġġu għal psychometric test
- Wara jsiru ‘extended interview’ u interview ieħor individwali mal-kandidati
- Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tassessja l-kandidati u tagħżel tnejn minnhom
- Dawn iż-żewġ ismijiet se jmorru quddiem il-Kabinett li jinforma lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija liema jaħseb li huwa l-kandidat ideali
- Il-Ministru jirreferi lill-kandidat identifikat għal smigħ quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi (PAC)
- Jekk il-PAC jaqbel li l-kandidat ikun ideali, il-Prim Ministru, wara li jikkonsulta mal-istess Kumitat, jagħżlu bħala Kummissarju.


