'Irridu nidraw ngħixu bir-regoli tas-social distancing għal perjodu twil' - Barbara

Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija jisħaq li ma jista’ jkun hemm l-ebda normalità jekk ma jkunx hemm vaċċin

Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija, Dr Chris Barbara, saħaq li l-mument li l-poplu jibda jinjora l-istruzzjonijiet u l-appelli, l-aktar dawk dwar is-social distancing, il-COVID-19 se jkun qed jerġa’ jattakka b’tieni mewġa li tista’ tkun akbar mill-ewwel waħda, fejn jidħlu l-imwiet.

Barbara qal dan mal-MaltaToday fejn saħaq li għalissa rridu nidraw bis-social distancing “għal perjodu twil ta’ żmien.”

Anke jekk l-għadd ta’ każi ġodda baqa’ wieħed baxx u s-sitwazzjoni f’Malta hija waħda stabbli, Barbara insista li l-virus għadu fil-komunità u għadu ma ġiex eliminati.

“Il-virus għadu qed jinfetta lin-nies li ma jesperjenzawx sintomi u li lanqas ikunu jafu bih. Malli nagħtuh opportunità li jinxtered, se jinfetta aktar nies,” insista Barbara.

L-appell ta’ Barbara, li kien parti mit-tim li implimenta l-istrateġija Maltija kontra l-COVID-19, huwa biex kulħadd jibqa’ jżomm mal-appelli u l-istruzzjonijiet.

“Ma naffordjawx li naħsbu li rbaħna l-battalja,” insista Barbara.

Filwaqt li nnota s-suċċess li wettqet Malta, Barbara insista li Malta kisbet dan ir-riżultat għax il-poplu kkopera u obda l-istruzzjonijiet tas-social distancing anke jekk diffiċli ħafna li l-anzjani u l-persuni vulnerabbli ssakkru d-dar.

Fi kliemu, jekk minn issa nirrilaxxaw dawn il-miżuri, se nkunu qed nisparaw f’saqajna. “Kien bis-saħħa ta’ din il-miżura li evitajna ħafna mwiet. Ma naffordjawx li nitilfu kollox,” insista Barbara.

Mistoqsi dwar il-possibbilità tat-tieni mewġa, Barbara kien pożittiv li jekk kulħadd jibqa’ jikkopera, hemm ċans tajjeb li din ma tiġix.

Dwar ir-rilaxx ta’ ċertu restrizzjonijiet, Barbara saħaq li ma jfissirx li qed nersqu lejn in-normalità. Ma jista’ jkun hemm l-ebda normalità jekk ma jkunx hemm vaċċin. 

“Ma ninsewx li fit-tramuntana tal-Italja kienu żewġ każijiet li ħolqu epidemija. Fix-xhur li ġejjin irridu nitgħallmu ngħixu b’dawn ir-regoli tas-social distancing. Ma hemmx triq oħra sakemm jinstab vaċċin,” insista Barbara.

More in Politika