Il-KE se tippubblika linji gwida biex pajjiżi jiftħu ftit ftit il-fruntieri

Hu mifhum li l-Kummissjoni se tkun qed titlob għal azzjoni koordinata u mhux diskriminatorja bejn l-istati membri

Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tippubblika linji gwida bil-għan li jkun salvat is-settur tat-turiżmu matul ix-xhur tas-sajf, wieħed mill-aktar setturi milquta mill-imxija tal-COVID-19.

L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li l-pajjiżi jibdew, ftit ftit, jiftħu l-fruntieri tagħhom.

Hu mifhum li l-Kummissjoni se tkun qed titlob għal azzjoni koordinata u mhux diskriminatorja bejn l-istati membri.

Madanakollu, minkejja l-linji gwida, il-Kummissjoni Ewropea qed tirrikonoxxi kif li l-kontrolli tal-fruntieri jaqgħu f’idejn il-pajjiżi membri u għalhekk dan se jkun qed isir fuq bażi volontarja, jiġifieri l-Unjoni Ewropea ma tistax timponi.

Brussell qed issejjaħ lill-pajjiżi affettwati biex jaddottaw l-istess miżuri u mhux jiftħu l-fruntieri tagħhom għal pajjiż b’mod differenti minn ieħor u dan jekk is-sitwazzjoni tagħhom hija waħda simili.

Il-libertà tal-moviment fiż-żona Schengen hija kruċjali għas-settur tat-turiżmu Ewropew, settur li jikkontribwixxi għal 10% tal-GDP u 12% tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.

More in Politika