Ian Castaldi Paris elett minflok Chris Cardona fit-tmien distrett
L-eks Sindku Nazzjonalista Ian Castaldi Paris u Rachel Tua ikkontestaw l-elezzjoni każwali li saret illum
More in Politika
L-eks Sindku Nazzjonalista Ian Castaldi Paris u Rachel Tua ikkontestaw l-elezzjoni każwali li saret illum
L-eks Sindku Nazzjonalista Ian Castaldi Paris huwa l-iktar Deputat ġdid tal-Partit Laburista hekk kif se jkun qed jieħu post Chris Cardona fit-tmien Distrett. Huwa għeleb lil Rachel Tua meta kiseb 2,286 mill-voti li setgħu jiġu trasferiti filwaqt li Tua kisbet 1,300 vot. 100 vot ma kinux trasferibbli.
Castaldi Paris qal illi se jkun qed jirriżenja minn karigi fl-Air Malta u Identity Malta
Għalfejn saret din l-elezzjoni?
Meta kien intervistat waqt XTRA, f’Jannar li għadda, Cardona qal li l-politiċi għandhom “data ta’ skadenza,” iżda kien insista li fadallu aktar x’joffri lill-Partit Laburista.
Jidher li Cardona qed jiffoka aktar fuq il-professjoni tiegħu hekk kif huwa involut ma’ diversi kumpaniji, anke barranin u skont is-sorsi ftit li xejn għandu ħin għall-politika.
Hu mifhum ukoll canvassers ta' Cardona bdew ixammru l-kmiem biex issa jassistu lis-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq it-Tmien Distrett.
Cardona ilu mill-2016 Deputat Mexxej wara li ħa post Konrad Mizzi li kellu jirriżenja ftit wara li ħa l-kariga hekk kif ismu ħareġ fil-Panama Papers.
Dak iż-żmien, Cardona kien ikkontesta kontra Owen Bonnici fejn qabżu b'50 vot.
Il-kontroversji ma naqsux...
Fl-aħħar żmien, Cardona ma kienx nieqes mill-kontroversji, fosthom meta f'Jannar tal-2017, Daphne Caruana Galizia kienet akkużatu li żar il-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta kien fuq żjara uffiċjali tal-Gvern.
Cardona dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u kien fetaħ libelli lil Caruana Galizia. Madanakollu, dawn il-libelli waqgħu wara li l-qtil tal-ġurnalista.
F'Novembru tal-2019, Cardona kien issospenda lilu nnifsu minn Ministru wara l-arrest ta' Yorgen Fenech, hekk kif ismu rriżulta fl-investigazzjoni tal-Pulizija.
Isem Cardona kien fuq ittra li waslet għand Fenech, meta kien fuq police bail, allegatament permezz tat-tabib tiegħu.
Allegatament, din l-ittra kitibha Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta' Joseph Muscat u kienet timplika lil Cardona fl-assassinju tal-ġurnalista.
Cardona kien mistoqsi dwar dan mill-Pulizija iżda l-investigaturi jemmnu li din l-ittra kienet attentat ta' frame-up fuq l-eks Ministru.
Fil-fatt, Cardona reġa' sab postu fil-kabinett ftit jiem wara sakemm Robert Abela ħa l-ġurament ta' Prim Ministru u ħatar kabinett ġdid.
Isem Cardona kien reġa' ssemma mill-intermedjarju tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, meta qal li viċin it-tinda tal-Patata, fejn ġew arrestati t-tliet irġiel akkużati li poġġew u attivaw il-bomba, kien instab mowbajl fil-baħar u fuqu kien hemm biss in-numru ta' Cardona.
Skont Theuma, din l-informazzjoni kien qalilu Yorgen Fenech.