Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ippubblika ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Venezja u li fiha ppreżenta r-riformi ewlenin li qed ikunu kkunsidrati mill-Gvern, fosthom dwar il-poteri li għandu l-Prim Ministru meta jiġi biex jagħżel persuni għal karigi importanti fil-pajjiż u anke dwar il-ħatriet fil-Ġudikatura.
Fil-fatt, il-ħatriet fil-Ġudikatura kien l-aktar punt li għafset dwaru l-Kummissjoni Venezja biex issa, skont ir-riforma, il-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura se jkun qed jgħaddi tliet ismijiet lill-President, flimkien ma’ rapport dettaljat dwar kull kandidat u jkun il-President li jkollu l-aħħar kelma.
Ir-riformi ewlenin huma dawn:
Prim Ministru
- Il-poter biex jintagħżlu membri li jpoġġu fuq kummissjonijiet indipendenti se jgħaddi mingħand il-Prim Ministru għall-Kabinett tal-Ministri
- Il-ħatra ta’ uffiċjali għolja oħra, fosthom il-Gvernatur, id-Deputat Gvernatur u d-diretturi tal-Bank Ċentrali, iċ-Chairperson tal-MFSA u taċ-Ċentru ta’Arbitraġġ ukoll se jkunu f’idejn il-Kabinett
- Wara konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, il-Kabinett jagħżel il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
Ġudikatura
- Għal postijiet vakati fil-Ġudikatura se tkun qed issir sejħa pubblika biex kandidati minn ġewwa u anke minn barra jkunu jistgħu japplikaw
- Bidla fil-kompożizzjoni tal-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura li issa se jkun jinkludi żewġ imħallfin u maġistrat li jintagħżlu mill-kollegi tagħhom
- Prosekutur Pubbliku mhux se jifforma aktar parti mill-Kumitat iżda minflok postu se jieħdu l-Avukat tal-Istat
- Il-Kumitat jagħżel tliet kandidati u jippreżentahom lill-President li jkollu l-aħħar kelma
- Il-Prim Imħallef jintagħżel bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.
Kumitat Permanenti Kontra l-Korruzzjoni
- Chairperson se jkun magħżul mill-President skont reżoluzzjoni Parlamentari li dwarha jkun hemm qbil ta’ żewġ terzi
- Iż-żewġ membri l-oħra se jkunu qed jintagħżlu mill-President fuq parir tal-Kabinett wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni
- Kwalunkwe rapport li jikkonferma każi ta’ korruzzjoni se jkun qed jgħaddi direttament f’idejn il-prosekutur pubbliku flok il-Ministru.
Segretarju Permanenti
- Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku se tkun qed tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-President għall-ħatra tas-Segretarju Permanenti wara r-rakkomandazzjonjiet tas-Segretarju Prinċipali Permanenti
- Is-Segretarju Prinċipali Permanenti se jkun magħżul mill-President wara parir tal-Kabinett li jkun ikkonsulta mal- Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku
Persons of trust
- Bidliet legali se jkunu qed jistabilixxu bażi legali ċara għall-ħatra tal-persons of trusts
- Dawn se jkunu limitati għall-konsulenti tal-ministri u s-segretarji parlamentari, staff f’segretarjati u ħatra fuq bażi temporanja meta post vakat ma jimtelix wara li jkunu saru diversi sejħiet pubbliċi
L-għażla tal-President
- Il-metodu li bih jintagħżel il-President tar-Repubblika se jkun deċiż wara li tintemm il-Konvezzjoni Kostituzzjonali.