14-il persuna jirriżultaw pożittiv għall-COVID-19 fl-aħħar 24 siegħa
Seba' persuni fiequ biex hekk it-total ta' każi attivi huwa ta' 73 każ
minn Yendrick Cioffi
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 1,321 test, 14-il persuna rriżultaw pożittiv għall-COVID-19, l-ogħla ammont fl-aħħar ġimgħat biex issa t-total ta' każi f'Malta jlaħħaq il-522 każ.
Intant, seba' persuni fiequ, biex hekk it-total ta' persuni mfejqa huwa ta' 443. It-total ta' każi attivi huwa ta' 73 każ.
Fost il-każi l-ġodda hemm diversi ħaddiema tas-saħħa, fosthom tlieta li kollha kemm huma jaħdmu fis-sala tal-ENT tal-isptar Mater Dei u anke żewġ pazjenti li kienu rikoverati fl-isptar Karin Grech fejn fl-aħħar jiem ukoll ħarġu diversi każi pożittivi.
Ħaddiem tas-Saħħa f'San Vinċens de Paule
Malti ta' 58 sena u li huwa ħaddiem tas-Saħħa f'San Vinċens de Paule rriżulta pożittiv għall-coronavirus hekk kif ħarġulu s-sintomi fit-12 ta' Mejju.
Bħalissa qed isir kuntatt mal-kollegi tiegħu u anke l-pazjenti.
Żewġ każijiet oħra f'Karin Grech
Tnejn mill-14-il każ ġdid irriżultaw mill-isptar Karin Grech.
L-ewwel każ huwa ta' pazjent mis-Sudan li kien ilu xi jiem fl-isptar Karin Grech. Dan il-pazjent ma kellu l-ebda sintomi u nqabad mit-testijiet li qed isiru f'dan l-isptar, hekk kif fl-aħħar jiem irriżultaw diversi każi f'Karin Grech.
Bħalissa qed isir il-contact tracing u se jsiru t-testijiet lill-pazjenti l-oħra li kienu fl-istess sala miegħu u anke ħaddiema tas-saħħa li jistgħu ġew esposti.
It-tieni każ huwa pazjent ieħor f'Karin Grech. Dan għandu 84 sena u wkoll ma kellu l-ebda sintomi. Qed isiru testijiet fuq il-pazjenti u anke l-ħaddiema tas-saħħa li kellhom kuntatt miegħu.
Pazjenta li ttieħdet minn ħaddiem tas-saħħa
Każ ieħor huwa ta' Maltija ta' 37 sena li kienet kuntatt ta' ħaddiem tas-saħħa li rriżulta pożittiv fil-jiem li ġejjin.
Din il-persuna kienet fi kwarantina u għalhekk dan il-każ huwa kkontrollat.
Tliet ħaddiema tas-saħħa f'Mater Dei
Tliet każi oħra huma kollha kemm huma ta' ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fis-sala tal-ENT fl-isptar Mater Dei u li fiha fl-aħħar jiem irriżultaw diversi każi pożittivi ta' COVID-19.
Dawn huma raġel Malti ta' 28 sena u Maltija ta' 48 sena li t-tnejn li huma kellhom kuntatt ma' persuni pożittivi u li fl-aħħar jiem tpoġġew fi kwarantina
Apparti dawn, fl-aħħar 24 siegħa, irriżulta pożittiv ukoll ħaddiem tas-saħħa ta' 38 sena li wkoll jaħdem fis-sala tal-ENT.
Seba' każijiet ta' firxa fil-komunità
Is-seba' każi oħra ma kienu kuntatt tal-ebda pazjent ieħor u għalhekk ħadu l-virus mill-komunità
Dawn huma:
- Taljan ta' 44 sena. Mar l-emerġenza b'uġigħ ta' żaqq u sarlu t-test kif qed isir lill-kulħadd u ħareġ pożittiv.
- Malti ta' 54 sena. Kellu diversi sintomi. Qed isir kuntatt mal-kollegi u l-qraba.
- Malti ta' 33 sena. Dan ma kellu l-ebda sintomi u talab li jsirlu t-test. Ħareġ pożittiv u qed isir kuntatt mal-kollegi u l-qraba tiegħu.
- Żagħżugħa ta' 27 sena li hija mill-Maċedonja. Kellha ħafna sintomi. Ma kinitx qed taħdem u ma jgħix ħadd magħha. Xi ħbieb tagħha tpoġġew fi kwarantina.
- Malti ta' 27 sena. Kien qed jaħdem mid-dar u qed isir kuntatt mal-qraba tiegħu.
- Maltija ta' 32 sena. Marret l-emerġenza. Ma kellha l-ebda sintomi iżda sarilha t-test u ħarġet pożittiva.
- Malti ta' 31 sena. Ma kellu l-ebda sintomi. Huwa vulnerabbli u qed jinżamm Mater Dei.
Il-Professur Gauci appellat biex kulħadd jibqa' jsegwi l-appelli dwar is-social distancing għax is-seba' każi tal-lum li juru firxa fil-komunità juru kif għad hemm ir-riskju li wieħed joħroġ u jiltaqa' mal-virus.
Intant appellat biex il-persuni vulnerabbli jibqgħu jkunu protetti biex is-sitwazzjoni fl-isptarijiet tibqa' dik ta' bħalissa, fejn il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet jibqgħu baxxi.
Fil-fatt ftit huma l-pazjenti fl-isptarijiet: tnejn fl-isptar Boffa, erba' każijiet fl-isptar St.Thomas, pazjent f'Mater Dei u tliet pazjenti fl-isptar Karin Grech. Ħadd minn dawn mhu qiegħed jinżamm għall-kura intensiva.