‘Ottimiżmu kawt’ fost sidien ta’ stabbilimenti turisti Għawdxin għax-xhur tas-sajf
L-Għawdxin kif qed iħarsu lejn is-sajf? Il-Maltin qed jibbukkjaw? It-turiżmu intern biżżejjed? L-ILLUM tistaqsi
minn Yendrick Cioffi
Anke jekk in-negozju f’Għawdex, bħall-bqija ta’ Malta u Għawdex intlaqat ħażin mill-pandemija, is-sidien Għawdxin, inkluż dawk tal-farmhouses u l-lukandi huma ottimisti li fis-sajf jirkupraw xi ftit, anke għax għall-kuntrarju ta’ Malta, is-settur turistiku fil-gżira Għawdxija jiddependi wkoll mit-turiżmu intern.
Dan ikkonfermah mal-gazzetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għat-Turiżmu, Joe Muscat li iżda insista li dan ma jfissirx li għandhom jitwaqqfu l-benefiċċji għan-negozji u l-ħaddiema Għawdxin, anke għax il-kummerċ xorta mhux se jikkumpara ma’ sjuf oħra.
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar x’qed ibassru għax-xhur tas-sajf u jekk hux qed ikun hemm domanda minn Maltin biex jibbukjaw il-farmhouses jew biex iqattgħu weekend f’lukanda, Joe Muscat beda billi fakkar li Għawdex għandu insularità u konettività doppja, tant li l-effett ta’ dan inħass ħafna meta kien hemm ir-restrizzjonijiet fuq it-traġitt bejn il-gżejjer.
“Aħna komplejna nsegwu dak li kien qed jiġri u emminna dejjem li waħda mill-affarijiet li tista’ ttaffi ftit l-impatt ta’ din il-pandemija fuq l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin huwa s-suq domestiku,” saħaq Muscat.
‘Għawdex jista’ jkun l-għażla ta’ aktar Maltin f’dan is-sajf’
Nhar il-Ħadd li għadda, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), Andrew Agius Muscat, saħaq mal-ILLUM li t-turiżmu intern mhuwiex is-soluzzjoni għal ajruport magħluq. Iżda jista’ jingħad l-istess għal Għawdex?
“Aħna nħarsu lejha b’mod differenti,” beda jispjega Muscat waqt li kkwota statistika li turi kif it-turisti fl-akkomodazzjoni kollettiva f’Għawdex huma 50% barranin u 50% Maltin.
Għalhekk l-Assoċjazzjoni qed tħares lejn diversi xenarji. Spjega kif il-persentaġġ ta’ turisti barranin se jkun ristrett u marbut mal-ftuħ tal-ajruport. Fi kliemu, anke jekk jiftaħ l-ajruport dejjem hemm il-mistoqsija jekk it-turisti hux se jiġu bl-istess ammonti ta’ qabel.
Mill-banda l-oħra għandek it-turiżmu domestiku u jista’ jagħti l-każ li anke hawn ikun hemm minn jibża’ u din is-sena jagħżel li ma jmur imkien.
“Madanakollu nemmnu li t-turiżmu domestiku, li Għawdex dejjem kien jappella għalih, anke din is-sena se jkun tajjeb. Sakemm jibqgħu r-restrizzjonijiet tal-ajruport jista’ jagħti l-każ li d-domanda tkun akbar, għax dak li jkun, meta jara li mhux se jkun jista’ jsiefer barra mill-pajjiż, almenu jkun jista’ jqatta’ xi jiem Għawdex,” saħaq Muscat waqt li insista li xorta ma hemm l-ebda garanzija.
Qed jibbukjaw il-Maltin? Dilemmi għas-sidien
Staqsejna lil Muscat jekk tkellmux mas-sidien tal-lukandi u l-farmhouses u jekk dawn hux qed ikollhom domanda u anke bookings. Wieġeb fil-pożittiv iżda saħaq li hemm diversi bookings li saru minn barranin u għalhekk dawn jiddependu mill-ftuħ tal-ajruport.
“Għalissa hija sitwazzjoni diffiċli għax wieħed irid ipoġġi fil-bilanċ il-bookings minn barra u anke bookings oħra li qed isiru minn Maltin imma li jaħbtu mal-istess ġranet bbukkjati minn barranin,” insista Muscat. “Huma sitwazzjonijiet li qed niffaċċjawhom ta’ kuljum imma hemm interess, anke jekk kawt, mis-suq domestiku. Ovvjament irridu nibqgħu nsegwu s-sitwazzjoni kif se tiżviluppa.”
Kien hawn li l-ILLUM staqsietu x’qed jiġri f’dawk il-każi fejn il-bookings tal-Maltin jaħbtu ma’ tal-barranin. Is-sidien qed jippreferu li jikru lill-Maltin għax aktar probabbli li jmorru?
“Mhux faċli. Ikun hemm każi fejn ikun tħallas id-depożitu. Hemm sitwazzjonijiet differenti. Din hija sfida li l-operaturi qed jiffaċċjaw. Ikollhom dilemmi x’se jagħmlu. Qed noperaw f’xenarju fejn ma nafux għada x’se jiġri. Ma tistax tippjana fit-tul,” insista Muscat.
Fil-fatt saħaq li waħda mid-diffikultajiet kbar li qed tħabbat wiċċha magħha l-industrija turistika, mhux biss Għawdxija, ġejja mill-fatt li din trid tippjana ħafna fit-tul.
“Din l-inċertezza qed tkompli titfa’ l-piż tagħha fuq l-industrija,” saħaq Muscat.
Hemm linji gwida fuq tindif ta’ proprjetajiet u lukandi?
Anke biex wieħed iserraħ ras dawk li jixtiequ jqattgħu xi jiem Għawdex, staqsejna lil Muscat jekk l-operaturi hux qed jingħataw struzzjonijiet kif għandhom inaddfu u anke jiddiżinfettaw il-proprjetajiet tagħhom. Se jkun hemm linji gwida?
“Ninsabu f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet rigward protokolli ta’ saħħa li jridu jiġu implimentati mis-sidien ta’ diversi stabbilimenti turistiċi Għawdxin li jinkludu mhux biss akkomodazzjoni imma anke stabbilimenti tal-ikel u setturi bħalma huwa dak tad-diving,” insista Muscat.
Saħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, l-operatur u s-sid Għawdxi mhux moħħu biss fil-but, anzi saħaq li hemm ħafna tħassib dwar is- saħħa tagħhom, il-ħaddiema u anke tal-klijenti u t-turisti.
“Aħna bħala assoċjazzjoni ninsabu f’kommunikazzjoni ma’ diversi entitajiet u awtoritajiet biex dan il-proċess jitħaffef,” insista Muscat.
‘L-għajnuna tal-Gvern għandha tibqa’’
Anke jekk f’Għawdex hemm ċertu “ottimiżmu kawt,” dan ma jfissirx li l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin mhumiex għaddejin minn sitwazzjonijiet diffiċli u għalhekk Muscat appella biex dawn jibqgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-Gvern.
“Ma jfissirx li Għawdex jista’ jiddependi biss mit-turiżmu domestiku. Hija sena bla preċedent u allaħares ikollna sena oħra bħalha. Nibżgħu għall-eżistenza tal-istabbilimenti tagħna. Ma rridu l-ebda stabbilment li jkollu jżarma,” insista Muscat. “It-turiżmu domestiku se jkun qed joffri opportunità lil dawn l-istabbilimenti biex isalvaw.”
Għalhekk l-appelli tal-Assoċjazzjoni jibqgħu l-istess għax fi kliem Muscat, anke jekk it-turiżmu intern jista’ jgħin ma jfissirx li l-istabbilimenti Għawdxin ma għandhomx diffikultajiet oħra.
“Iċ-ċokon tagħna u l-limitazzjonijiet tagħna jibqgħu hemm. Anke jekk xorta waħda jirnexxilna niġġeneraw ftit ekonomija interna, is-sussidju tal-pagi għandu jibqa’, almenu sakemm jiftaħ l-ajruport u anke sakemm naqdbu r-ritmu. Anke meta l-ħwienet fetħu, il-Gvern żamm l-għajnuna u hekk sewwa u xieraq għax anke jekk miftuħa ma jfissirx li qed ikollhom il-kju barra. L-istess jekk Għawdex ikun miftuħ għat-turiżmu intern, ma jfissirx li se nkunu mimlija,” insista Muscat. “It-turiżmu intern huwa marbut mal-weekend. Mhux se nimlew fost il-ġimgħa.”