Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, kienet mistoqsija dwar il-fatt li skont il-Prim Ministru, sal-aħħar ta' din il-ġimgħa, se jkunu qed jinfetħu r-ristoranti, fost oħrajn, stqarrija li niżlet għasel ma' wħud iżda qanqlet ħafna mistoqsijiet u konfużjoni fost oħrajn.
Kemm hu sigur li mmorru nieklu f'ristorant? Mistoqsija dwar dan, waqt il-bulletin mediku ta' kuljum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li sakemm kulħadd isegwi l-miżuri ta' mitigazzjoni, kemm min jopera r-ristorant u anke l-klijenti, ma għandux ikun hemm problemi.
Gauci spjegat li l-awtoritajiet għamlu assessjar tar-riskju dwar kull miżura li daħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur u ġimgħat.
Insistiet li l-pariri tal-awtoritajiet fuq dak li għandu jinfetaħ bħalissa huwa bbażat fuq il-mezzi ta' mitigazzjoni.
"Tkun moħħok mistrieħ li tmur tiekol f'ristorant meta tara li kulħadd ikun jista' jsegwi l-miżuri ta' mitigazzjoni," saħqet Gauci.
Aktar dettalji